F’laqgħa li saret nhar il-Ħamis 29 ta’ Ottubru, żgħażagħ minn għaqdiet u movimenti differenti li kienu impenjati fil-proġett ‘Y Standup?’ organizzatt mill-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ (KDŻ) iltaqgħu ma’ l-Arċisqof Pawl Cremona OP. Din il-laqgħa saret bħala parti mill-proċess ta’ djalogu li tnieda f’dan il-proġett bl-iskop li ż-żgħażagħ jingħataw l-ispazju sabiex isemmgħu il-vuċi tagħhom fil-Knisja u fis-soċjeta. Matul din il-laqgħa, iż-żgħażagħ iddiskutew ma’ Mons. Arċisqof l-argumenti mresqin miż-żgħażagħ sħabhom li pparteċipaw fil-forum Y Standup?’ is-Sibt 24 ta’ Ottubru meta tlaqqgħu diversi workshops dwar il-faqar u saret ukoll laqgħa ta’ djalogu taż-żgħażagħ mal-politiċi.

Iż-żgħażagħ iddiskutew ma’ Mons. Arċisqof il-bżonn li titqajjem aktar kuxjenza soċjali għal edukazzjoni għal ħajja. Huma jifmhu li l-pressjonijiet tas-soċjeta, fosthom bil-peer pressure u l-medja, jistgħu jinfluwenzaw il-prijoritajiet tal-konsumatur, li allura jħallu effett fuq l-aspirazzjonijiet għal għixien dinjituż tal-familji. Huma jifmhu li din il-ħidma edukattiva soċjali tista’ ssir permezz ta’ l-istess mezzi tal-medja u programmi edukattivi li jolqtu lil familja kollha fl-istituzzjonjiet differenti fil-komunita.

Iż-żgħażagħ irrimarkaw li ma jistgħux ikunu injorati sitwazjonijiet ta’ mard jew problemi psikoloġiċi li għandhom rabta qawwija mal-faqar. F’dawn is-sitwazzjonijiet ma jkunux biss affettwati l-individwi iżda ukoll il-familja b’mod sħiħ. Għaldaqstant jinħass il-bżonn ta’ regolamentazjoni tas-servizzi soċjali li verament iservu lil min hu fil-bżonn.

B’mod kategoriku, iż-żgħażagħ jaqblu li l-Knisja għandha tibqa’ timxi fuq l-eżempju ta’ Kristu u tagħti preferenza lill-fqar.  Iż-żgħażagħ saħqu li kwalunkwe ħidma mill-Knisja m’għandiex tieqaf fil-ġlieda kontra l-faqar fiħ innifsu, iżda għandha tkun ankrata fil-valuri Nsara tal-imħabba u x-xandir tal-messaġġ evanġeliku. “Il-ħidma tal-Knisja, f’kull livell, anki bħala istituzzjoni u f’entitajiet fi ħdanha, għandha tkun ispirata mill-imħabba Nisranija. Ma tistax tkun sempliċiment l-għoti ta’ għajnuna materjali jew ta’ servizz iżda n-Nisrani hu msejjaħ biex jara lil Kristu f’dawk kollha li jkun qed jaħdem magħhom. Dan għandu jkun l-ideal li l-Knisja timmira għalih f’kull ħidma tagħha, b’mod speċjali ma’ dawk f’qagħda vulnerabbli bħal nies foqra”.  F’dan is-sens, Mons. Arċisqof irrimarka dwar il-bżonn li jkollna viżjoni tal-bniedem sħiħ, li jirrispekkja ‘il-wiċċ ta’ Kristu’.

Fl-argumenti li preżentaw iż-żgħażagħ issemmiet l-aljenazjoni għal sitwazzjonijiet ta’ faqar, bħala realta “‘il bogħod minna”, sforz l-invisibbilita u s-segragazzjoni fis-soċjeta. Iż-żgħażagħ jipproponu li għandhom ikunu huma dawk li jixprunaw valuri favur l-inklużjoni soċjali billi jqajmu l-kuxjenza soċjali. Huma jistqarru li l-Knisja għandha tgħin liż-żgħażagħ billi tagħtihom opportunitajiet u għodod meħtieġa biex ma jibqgħux passivi, imma jkunu l-vuċi soċjali u il-preżenza soċjali. Dan għaliex huma jemmnu li l-Knisja mhix biss is-saċerdoti u l-Kurja, imma komunita waħda ta’ lajċi u membri l-oħrajn tal-Knisja li jaħdmu b’mod sħiħ flimkien.

Kemm l-Arċisqof Pawl Cremona kif ukoll id-delegat tiegħu għaż-żgħażagħ, Fr. Savio Vella sdb, qablu fuq l-importanza li s-soċjeta tisma dak li qiegħdin jgħidu ż-żgħażagħ u turihom li qed tismagħhom. Mons. Arċisqof kien preżentat bil-punti ewlenin tad-diskussjoni kif elenkati miż-żgħażagħ bħala parti mill-proġett ‘Y Standup?’  permezz ta’ pen drive li tintlibes forma ta’ wristband bajda. Dan il-mezz intagħżel sabiex iġib flimkien il-mezz teknoloġiku li jużaw iż-żgħażagħ kif ukoll simbolu nternazzjonali tal-ħidma kontra l-faqar bir-wristband bajda.