Ara siltiet mill-Assemblea Djoċesana

Il-Ħamis 21 ta’ Novembru 2019, ingħata bidu għall-Assemblea Djoċesana 2019. Matulha ġie ppreżentat il‑working document tal‑Pjan Pastorali għall‑Arċidjoċesi ta’ Malta għall-erba’ snin li ġejjin (2020-2023), mid‑Delegat Episkopali għall‑Evanġelizzazzjoni, Dr Nadia Delicata.

Dan il‑working document bit‑tema ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed – Proċess ta’ Dixxerniment Ekkleżjali 2020‑2023’, huwa ispirat mir-rakkont tad-dixxipli ta’ Emmaws (Lq 24: 13-35). Inkiteb wara konsultazzjoni wiesgħa li saret matul dawn l‑aħħar xhur ma’ għadd ta’ persuni involuti f’diversi ħidmiet tal‑Knisja u tas-soċjetà Maltija.  

Wara l-preżentazzjonijiet mill-Isqof Galea-Curmi u minn Dr Nadia Delicata, il-membri tal-Assemblea nqasmu fi tmien gruppi (working groups) biex jiddiskutu l-erba’ prijoritajiet ewlenin għall-Knisja. Fit-tieni sessjoni tal-Assemblea li ser issir illejla, ir-rapporteurs ta’ kull grupp ser jippreżentaw rapport dwar dak li ġie diskuss ilbieraħ, bħala parti mill-proċess ta’ dixxerniment ekkleżjali.

Aqra dwar it-tieni sessjoni tal-Assemblea Djoċesana

Pjan Pastorali għall-Arċidjoċesi ta’ Malta – Il-messaġġ tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi fil-ftuħ tal-Assemblea Djoċesana

Nilqagħkom għal din l-Assemblea Djoċesana, li l-iskop tagħha hu li aħna nagħtu l-kontribut tagħna, ilkoll kemm aħna, għall-Pjan Pastorali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Jekk wieħed jara ftit il-kummenti li għamel Papa Franġisku kemm ilu papa rigward l-ippjanar pastorali, jew rigward pjan pastorali ta’ djoċesi, jibqa’ skantat xi ftit bit-ton ta’ kritika tal-Papa.
Minn kliemu, lill-Papa taħsbu allerġiku għall-ippjanar pastorali. Hu żgur kliem provokattiv. Ħa nsemmi, pereżempju, x’qal fis-16 ta’ Novembru ta’ sentejn ilu:

“Is-Saltna t’Alla hi tħabbira ta’ ferħ imma sempliċi. Is-Saltna t’Alla tikber fis-satra, tikber fina bil-moħbi bħaż-żerriegħa li tintefa’ ġol-art biex tmut u tagħti l-ħajja. Iżda min ikabbar fina diż-żerriegħa, min iwarradha? Huwa Alla, l-Ispirtu s-Santu li hemm ġo fina. L-Ispirtu li hu manswet, umli, ubbidjenti u sempliċi. Huwa l-Ispirtu li jkabbar fina s-Saltna t’Alla, mhux l-affarijiet kbar jew il-pjani pastorali.”

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi jindirizza l-Assemblea Djoċesana

Araw x’qal fit-22 ta’ Jannar 2016:
“L-ewwel dmir tal-isqof hu li jkun ma’ Ġesù bit-talb. Infatti l-ewwel dmir tal-isqof mhux dak li jfassal il-pjani pastorali… le u le! Huwa t-talb: dan hu l-ewwel dmir. Filwaqt li t-tieni dmir hu li jkun xhud, jiġifieri jipprietka: jipprietka s-salvazzjoni li ġabilna l-Mulej.”

U reċentement ukoll, fid-9 ta’ Mejju ta’ din is-sena, meta għamel id-diskors fl-Assemblea djoċesana ta’ Ruma u tkellem fuq il-bżonn li l-Knisja tisma’ lin-nies, hu qal prattikament li rridu nersqu lejhom b’qalb miftuħa mhux bi pjani pastorali f’idejna.
Issa jien li ili snin ngħallem fuq l-ippjanar pastorali u l-valur tiegħu, kif inħossni quddiem dan il-kliem tal-Papa?

Ħa ngħid il-verità: inħossni tajjeb ħafna. Għax nifhem x’irid jgħid il-Papa u naqbel ma’ dak li qed jgħid. Naħseb li meta tinżel fil-fond, tinduna kemm il-Papa qed jgħid xi ħaġa importanti ħafna. Il-Papa mhux kontra l-ippjanar pastorali, jew li tagħmel pjan pastorali. Mhuwiex kontra dak li ħeġġeġ Papa Ġwanni Pawlu II fl-Ittra Appostolika Novo millennio ineunte, 29: “Inħeġġeġ lir-rgħajja tal-knejjes lokali biex bil-għajnuna tal-oqsma kollha tal-Poplu ta’ Alla, jippjanaw b’fiduċja l-iżvilupp tat-triq pastorali.” Papa Franġisku mhux kontra dan, imma hu kontra li wieħed ma jifhimx x’inhu pjan pastorali f’kuntest ta’ Knisja.

X’tip ta’ pjan pastorali jikkritika l-Papa?
Hu kontra pjan pastorali li:
– jagħtik l-illużjoni li se jsolvi l-problemi kollha tad-djoċesi, u joħloq is-sensazzjoni li s-salvazzjoni qiegħda fi pjan – flok fi Kristu.
– jifhmuh biss l-esperti u l-ispeċjalisti.
– jirrendi lill-operaturi pastorali funzjonarji li jimplimentaw biss dak li hemm miktub.
– tant fih dettalji li fil-fatt iktar ifixkel milli jgħin.
– jagħlaq il-viżjoni u li jinvoka lill-Ispirtu s-Santu iktar biex ikun dak li jittimbra l-pjan bl-approvazzjoni tiegħu milli dak li kontinwament qed jispira l-mixja tal-Knisja.

Kull min għandu għal qalbu l-ippjanar pastorali mhux biss ma jiskoraġġix ruħu bi kliem il-Papa, imma jarah bħala barka għax jgħin biex il-Knisja jkollha idea ħafna aktar ċara.

X’tip ta’ pjan pastorali nixtiequ skont l-indikazzjonijiet ta’ Papa Franġisku?
Nixtiequ pjan pastorali li:
– l-ewwel nett jiddisponi lill-Knisja f’Malta biex tkun qalbha miftuħa għas-sinjali tal-Ispirtu s-Santu, u l-enfasi jkun kontinwament fuq dan.
– jagħti viżjoni u direzzjoni lill-Knisja f’Malta, u jfisser kif se nimxu f’din id-direzzjoni u b’liema prijoritajiet.
– jiftaħ mhux li jagħlaq, u għalhekk li jkun iħeġġeġ il-kreattività u d-diversità.
– joħloq proċessi, biex il-Knisja f’Malta tkun Knisja li tisma’, li tilqa’, li takkumpanja u li toħroġ ’il barra bla biża’ – kif jispjega tant tajjeb Papa Franġisku f’Evangelii gaudium.
– matul dawn is-snin ikompli jiżviluppa d-dixxerniment ekkleżjali u s-sinodalità f’kontinwità mal-esperjenza tal-Knisja f’Malta fis-Sinodu Djoċesan – fejn dejjem għandna dik in-nixxiegħa ta’ ħajja ġdida.

Hu għal dan li ltqajna f’din l-Assemblea Djoċesana. Mhuwiex se jkun ippreżentat illum pjan pastorali lest, imma working document li hu diġà frott ta’ proċess ta’ dixxerniment u ta’ parteċipazzjoni wiesgħa.
Kif tistgħu taraw fil-programm, l-Assemblea se tkun imsejħa biex tagħti l-kontribut tagħha b’mod attiv, speċjalment permezz tal-working groups. Dan il-kontribut se jgħin biex fil-ġimgħat li ġejjin il-pjan pastorali tal-Arċidjoċesi jkun finalizzat u f’Jannar ikun ppubblikat.

Papa Franġisku, meta tkellem fl-Assemblea djoċesana ta’ Ruma f’Mejju ta’ din is-sena, ħeġġeġ lil dawk preżenti: “Chiediamo al Signore la grazia di non cadere in una diocesi funzionalista.” Nitolbu lill-Mulej għal dan. Nitolbuh biex jagħtina hu d-dawl u l-għajnuna tiegħu ħalli nkunu qed inwieġbu tassew għas-sinjali tiegħu fl-istorja f’din il-mixja ta’ dixxerniment ekkleżjali bħala Knisja Waħda fi Vjaġġ Wieħed.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju

Il-punti ewlenin tal-working document tal-Pjan Pastorali

Dr Nadia Delicata, id‑Delegat Episkopali għall‑Evanġelizzazzjoni, tippreżenta l-working document
  1. Niltaqgħu (mill-ġdid) ma’ Kristu: il-“ferħ” li nsiru “dixipli missjunarji”.
  2. Il-missjoni tal-Poplu Qaddis ta’ Alla: L-evanġelizzazzjoni u djakonija
  3. Kif il-Poplu Qaddis ta’ Alla jgħix fit-tama: f’artna, fi ġrajjitna; permezz tat-talb u d-devozzjonijiet tagħna li jesprimu l-fidi ħajja.
  4. Kristu, l-Għalliem tal-Poplu Qaddis ta’ Alla, li jgħarrafna naġixxi f’ismu: Knisja li tisma’, li tilqa’ li takkumpanja u li timxi toħroġ.
  5. Min aħna bħala l-Poplu ta’ Alla llum: dawk li rċivew l-Ordni Sagri, ir-reliġjużi, il-lajċi impenjati f’ministeri ekkleżjali, l-Insara fis-soċjetà u dawk li jfittxu u jistaqsu.
  6. Fejn aħna mibgħutin fil-missjoni tagħna f’Malta: fil-periferiji, fil-belt, fl-ispazji diġitali, fl-istituzzjonijiet sekulari, fl-istituzzjonijiet tal-Knisja u fl-ispazji domestiċi
  7. Il-qawwa ta’ Kristu “tidher fl-aqwa tagħha fejn id-dgħajjef.” (2 Kor 12,9): il-missjoni tagħna tibda fejn il-mard u l-ġrieħi huma l-iktar serji:
    – Ġrieħi fil-memorja tagħna, personali u kollettiva
    – Ġrieħi fir-relazzjonijiet intimi, speċjalment fil-familji tagħna
    – Ġrieħi fil-Knisja istituzzjonali
    – Ġrieħi fil-ħajja tagħna bħala Knisja
    – Ġrieħi fil-ħajja pubblika tagħna
    – Ġrieħi fl-ekosistema tagħna
    – Ġrieħi fir-ruħ individwali u kollettiva tagħna
  8. Konverżjoni pastorali: li nsiru Knisja li tiddixxerni dak li l-Ispirtu s-Santu qiegħed isejħilna biex nagħmlu f’kull waqt fir-realtà konkreta tagħna:
    – Dixxerniment personali għad-deċiżjonijiet privati tiegħi
    – Dixxerniment personali (u komunitarju) f’isem dawk li huma fdati f’idejna biex nieħu ħsiebhom
    – Dixxerniment personali (u komunitarju) biex immexxu tajjeb l-istituzzjonijiet għall-ġid komuni
    – Dixxerniment personali (u komunali) biex nieħdu ħsieb din artna
    – Dixxerniment ekkleżjali fil-Knisja domestika jew fil-komunità Nisranija żgħira
    – Dixxerniment ekkleżjali fil-parroċċa
    – Dixxerniment ekkleżjali fil-kongregazzjonijiet reliġjużi u fil-movimenti lajċi li għandhom rabta mal-Knisja universali
    – Dixxerniment ekkleżjali f’isem l-Arċidjoċesi

… nidħlu għal proċess ta’ dixxerniment ekkleżjali f’Malta tal-lum, imdawwal mill-istedina ta’ Kristu qal:
IL-KONTEMPLAZZJONI TAGĦNA (Knisja li tisma’)
IR-RIKONĊILJAZZJONI TAGĦNA (Knisja li tilqa’)
IL-FORMAZZJONI TAGĦNA (Knisja li takkumpanja)
IL-MISSJONI TAGĦNA (Knisja li toħroġ)

Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti