-
-
L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
-
Il-Knisja tas-Salib Imqaddes tal-Kappuċċini, il-Furjana
Il-Ħadd 29 ta’ Settembru, 2019Qalb il-ħidma vasta tal-Knisja f’Malta għar-rispett lejn id-dinjità tal-bniedem sħiħ, żgur li tolqtok il-ħidma li ssir mal-migranti u r-refuġjati. Hija ħidma li ilha s-snin u li bdiet l-ewwel nett permezz tal-Kummissjoni Emigranti, ħidma ħafna drabi fis-skiet u fil-kwiet imma b’mod effettiv. Insemmi wkoll realtajiet oħra fil-Knisja li qed jaħdmu b’dedikazzjoni f’dan il-qasam bħalma huma l-Jesuit Refugee Service, il-Laboratorju tal-Paċi, il-Patrijiet Kappuċċini u diversi voluntiera oħra. Nixtieq ngħid kemm dan kollu hu xogħol prezzjuż u importanti, u kemm verament jesprimi dak li l-Knisja tfittex li tkun fil-qadi u fid-difiża ta’ dawk li huma vulnerabbli u qed ibatu.
Qed niċċelebraw illum il-Jum tal-Migranti u r-Refuġjati. Papa Franġisku ħareġ messaġġ għal dan il-jum, messaġġ li jesprimi b’mod tajjeb ħafna l-ispirazzjoni li tmexxi tant nies li jagħtu sehemhom f’dan il-qasam. Hu l-qofol ta’ dan il-messaġġ tiegħu li nixtieq inwassal illum.
Emblemi ta’ esklużjoni
Il-Papa jgħid kif qalb il-“globalizzazzjoni ta’ indifferenza” li teżisti llum, “il-migranti, ir-refuġjati, il-persuni maqlugħin minn għeruqhom u l-vittmi tat-traffikar saru emblemi ta’ esklużjoni.” Minbarra t-tbatija li jgħaddu minnha minħabba l-qagħda mwiegħra tagħhom, in-nies spiss tħares bl-ikrah lejhom. Dan hu allarmanti għax ikompli jwitti t-triq ta’ kultura li tarmi lill-bniedem.
Negħlbu l-biżgħat tagħna
L-istorja kif żviluppat f’dawn l-aħħar snin qed toħroġ fil-beraħ il-biżgħat tagħna. Aħna għandna t-tendenza li nibżgħu minn dawk li ma nafuhomx, nibżgħu għax ma nafux xi jsarrfu u nibżgħu li jkunu qrib wisq tagħna. Għalhekk meta r-refuġjati jiġu jfittxu l-kenn u s-sigurtà u ġejjieni aħjar, kultant jaqbadna l-biża’. Il-problema mhijiex għax aħna jkollna l-biża’ u d-dubji. Il-problema tkun meta dawn jikkundizzjonawna b’mod li jagħmluna magħluqin, intolleranti u kultant razzisti u dan juri ruħu fi kliemna, fil-kummenti u fl-attitudni tagħna. Kif kien qal b’mod ċar is-Sinodu Djoċesan ta’ Malta 16-il sena ilu b’messaġġ ċar indirizzat lilna l-Maltin: “Ir-razziżmu hu struttura ta’ dnub li jikkontradixxi l-ħolqien tagħna lkoll indaqs fix-xbieha tal-Ħallieq.” (Djakonija u Ġustizzja, 21) Aħna lkoll xbieha ta’ Alla, ta’ liema kulur jew razza aħna.
Nikbru fl-umanità tagħna
Il-mogħdrija u l-imħabba lejn dawk vulnerabbli toħroġ fil-beraħ min aħna, l-umanità tagħna. Fi kliem Papa Franġisku, il-mogħdrija tmiss l-iktar kordi sensittivi tal-umanità tagħna, b’mod li tnissel fina ħerqa biex inkunu ‘proxxmu’ għal dawk kollha li aħna naraw f’diffikultà. Kif jgħallimna Ġesù, nuru mogħdrija meta nagħrfu t-tbatija ta’ ħaddieħor u nieħdu azzjoni biex indewwu, infejqu u nsalvaw. Li aħna niftħu lilna nfusna għall-oħrajn ma jfaqqarniex, anzi jagħmilna iżjed għonja u jkabbar l-umanità tagħna.
L-iżjed vulnerabbli jħallsu l-ogħla prezz
Irridu naħdmu biex ħadd ma jkun eskluż f’dinja li kultant hi elitista u krudili mal-esklużi. Papa Franġisku jispjega kif dawk li jħallsu l-prezz huma dejjem iż-żgħar u dawk l-iktar vulnerabbli, dawk li bħal Lazzru, kif rajna fl-Evanġelju tal-lum, ma jitħallewx joqogħdu mal-mejda u jkollhom biss ifittxu l-frak tal-ikla li jaqa’ minn fuq il-mejda. Ebda persuna ma għandha tispiċċa fl-iskart tal-istorja. Żvilupp li joħloq esklużjoni jagħmel lill-għonja aktar għonja u lill-fqar aktar fqar. Żvilupp li jirrispetta d-dinjità tal-bniedem ifittex li jinkludi mhux jeskludi, u jieħu ħsieb ukoll il-ġenerazzjonijiet futuri.
Ma niċċensurawx kliem Ġesù
Kien Ġesù stess li qal: “Dak kollu li għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi” u “Dak kollu li ma għamiltux mal-iżgħar fost dawn ħuti m’għamiltuhx miegħi.” Ġesù qal dan il-kliem wara li fisser il-ħidma ta’ għajnuna ma’ min hu fil-bżonn u tana lista sħiħa, fosthom “kont barrani u lqajtuni”. L-appell tiegħi hu biex aħna ma niċċensurawx dan il-kliem ta’ Ġesù b’mod li nitkellmu u ngħixu qisu hu qatt ma qalu.
Ġesù jitlobna biex ma nċedux għal-loġika tant komuni fid-dinja li tiġġustifika l-inġustizzja mal-oħrajn biex ingawdi jien u dawk qrib tiegħi, bir-raġunament: “l-ewwel jien u l-interessi tiegħi, u jekk jibqa’ xi ħaġa tmur għall-oħrajn”. Ġesù jitlobna biex naħdmu ħalli negħlbu l-ispirtu individwalista li jħallina indifferenti għall-proxxmu tagħna u nħarsu lejh biss b’termini ta’ flus u ta’ kemm se ndaħħlu minn fuq dahru.
Il-bniedem fiċ-ċentru
Papa Franġisku jfakkarna: “Fiċ-ċentru ta’ kull attività politika, kull programm, kull azzjoni pastorali rridu nqiegħdu dejjem il-bniedem, fil-bosta aspetti tiegħu, inkluża d-dimensjoni spiritwali. U dan japplika għall-bnedmin kollha, li l-ugwaljanza fundamentali tagħhom trid tkun magħrufa. Minn dan joħroġ li l-iżvilupp ma jistax ikun ristrett għal tkabbir ekonomiku waħdu. Biex ikun awtentiku, irid ikun jieħu ħsieb kollox; irid jgħin l-iżvilupp ta’ kull bniedem u tal-bniedem sħiħ”.
Dawk li qed ifittxu l-kenn, speċjalment dawk li huma l-iktar vulnerabbli, għandhom jgħinuna naqraw ‘is-sinjali taż-żminijiet’. Permezz tagħhom, il-Mulej qed isejħilna għall-konverżjoni, biex ninħelsu mill-esklussività, l-indifferenza u l-‘kultura li tarmi’. Il-Mulej jistedinna biex inħaddnu l-ħajja Nisranija tagħna b’mod sħiħ u biex nikkontribwixxu, kulħadd skont il-vokazzjoni proprja tiegħu jew tagħha, għall-bini ta’ dinja li tkun dejjem aktar skont il-pjan ta’ Alla.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju -
-