-
L-Epilessija ħafna drabi hija kundizzjoni medika moħbija, iżda taffettwa aktar minn 4,000 persuna f’Malta u Għawdex. Meta wieħed isir jaf li membru tal-familja jew xi lil xi ħadd qrib tiegħu għandu l-epilessija din tista’ jkun xokk kbir, u jkun hemm ħafna mistoqsijiet dwar it-trattament, x’taħseb is-soċjetà u l-istigma li hemm fuq din il-kundizzjoni. Id-dijanjosi tista’ wkoll teħtieġ diversi servizzi mediċi u ta’ appoġġ. Tista’ wkoll tiġi affettwata l-ħajja soċjali u personali ta’ persuna. Ħafna nies jistgħu jħossuhom mitlufa fejn għandhom jibdew ifittxu l-għajnuna.
“L-Epilessija: Sib l-Għajnuna”, għalhekk intgħażlet bħala t-tema tal-konferenza nazzjonali ta’ din is-sena organizzata mill-Assoċjazzjoni tal-Epilessija ta’ Caritas Malta. Il-konferenza qed issir flimkien mad-Dipartiment tal-Farmakoloġija Klinika u t-Terapewtika, l-Università ta ‘Malta. Il-konferenza, li se ssir d-Dolmen Resort Hotel nhar is-Sibt 10 ta’ Marzu 2018, se tiffoka fuq aspetti prattiċi ta’ kif u fejn wieħed jista’ jfittex għajnuna għal dijanjosi u trattament xieraq għall-epilessija. Il-konferenza se tinfetaħ Mill-ET Marie Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta. Fost il-kelliema se jkun il-Prof Dorothee Kasteleijn, mill-Olanda. Bosta kelliema lokali distinti bħal Dr Josanne Aquilina, Dr Doriette Soler, Dr Edith Said, Dr Jimmy Farrugia, se jaqsmu l-esperjenza tagħhom u se jkun hemm ukoll l-opportunità biex wieħed jipparteċipa f’workshops interattivi.
Din il-konferenza se tkun ta’ interess speċifiku għal persuni b’epilessija u l-familji tagħhom, edukaturi, għalliema u LSAs u diversi professjonisti li jaħdmu fil-kura tas-saħħa u studenti (tobba, spiżjara, infermiera eċċ) li jaħdmu ma’ persuni b’epilessija. Il-formola ta’ reġistrazzjoni tista’ titniżżel mill-websajt ta’ Caritas Malta. Għal aktar informazzjoni ikkuntattja [email protected].
-