• Omelija tal-Vigarju Ġenerali Mons. Joe Galea Curmi

  • Knisja ta’ Marija Mtellgħa s-Sema, Bubaqra
    3 ta’ Marzu 2018

    Ħamsin sena ilu bħal-lum, l-Arċisqof Mikiel Gonzi kien hawnhekk biex imexxi l-konsagrazzjoni ta’ din il-knisja ddedikata lil Marija Mtellgħa s-Sema. Meta tela’ biex jikkonsagra s-slaleb, għenu Dun Salv Farrugia, is-saċerdot li ddedika ħajtu b’impenn u b’ġenerożità għall-komunità ta’ Bubaqra.

    Illum, ħamsin sena wara, aħna nħarsu lura bi gratitudni – u speċjalment lejn Dun Salv li kuljum kien jiġi hawn, xemx u xita, biex ikun ta’ servizz għan-nies ta’ Bubaqra – iqaddes, jgħallem, ifarraġ –  biex iwasslilhom lil Kristu. Illum nuru l-apprezzament tagħna lejn dan is-saċerdot u lejn dawk is-saċerdoti, voluntiera u benefatturi li tul is-snin taw il-kontribut tagħhom f’din il-komunità.

    Il-ġrajja tal-konsagrazzjoni tal-knisja tfakkarna li dan il-post hu ddedikat lil Alla, biex ninġabru hawnhekk ħalli nqimuh, nirringrazzjawh, nitolbuh l-għajnuna tiegħu, u nħalluh jispirana u jmexxina f’ħajjitna. Dan il-post hu post qaddis fejn aħna jista’ jkollna din ir-relazzjoni sabiħa ma’ Ġesù ħaj, li jġibilna l-paċi u l-ferħ f’ħajjitna, u jagħmlilna tant ġid.

    Id-Dar ta’ Alla qiegħda biex niltaqgħu miegħu, u għalhekk għandna nħarsu b’qima kbira lejn id-dar tiegħu.

    Aħna u niċċelebraw din il-ġrajja, iktar nistgħu nifhmu kif Ġesù, kif rajna fl-Evanġelju tal-lum, irrabja ma’ dawk in-nies li kienu qegħdin ibigħu l-barrin, ngħaġ u ħamiem, u jsarrfu l-flus fit-tempju. Keċċiehom ‘il barra, u qalilhom: Dar missieri tagħmluhiex dar tan-negozju. Ħasadhom lin-nies, aktar u aktar għax deher tant aggressiv. Imma ried iwassal messaġġ ċar li llum hu għalina wkoll: Id-Dar ta’ Alla qiegħda biex niltaqgħu miegħu, u għalhekk għandna nħarsu b’qima kbira lejn id-dar tiegħu. Il-festa tal-konsagrazzjoni tfakkarna li għandna nibqgħu dejjem ngħożżu dan it-tempju bħala d-dar ta’ Alla, post speċjali, u nħarsuh minn dak kollu li mhux xieraq. Mhux kollox jgħodd u mhux kollox jixraq għal din id-dar speċjali.

    Imma nixtieqkom tinnutaw ħaġa importanti, għax dak li għamel Ġesù għandu tifsira ikbar. Meta daħal u keċċa lin-nies, ried inaddaf it-tempju minn dak li jibdlu f’suq, f’post ta’ negozju. Imma ried fuq kollox inaddaf moħħ u qalb in-nies minn idea ħażina ta’ Alla u tal-fidi f’Alla. L-idea li qisu Alla hu dak li miegħu tinnegozja: ‘Jekk tagħtini hekk, nagħmillek hekk’. L-idea li Alla hu dak li jinsab fit-tempju u tista’ tissoddisfah b’sagrifiċċju, qisek biex tikkontrollah int meta toffrilu xi ħaġa; imma mbagħad, mill-bieb tat-tempju ’l barra, hemmhekk taħseb int, Alla ma jidħolx.

    Il-qima vera trid tkun marbuta ma’ ħajja fejn tfittex ir-rieda ta’ Alla u tgħix il-kelma tiegħu.

    Din hi idea pagana tal-qima lil Alla, u din li ried jeqred Ġesù. B’ħajtu Ġesù ried jurina kif għandha tkun il-qima li Alla l-Missier jistenna minn uliedu. Il-qima vera trid tkun marbuta ma’ ħajja fejn tfittex ir-rieda ta’ Alla u tgħix il-kelma tiegħu. Dan hu messaġġ qawwi għalina l-Insara. It-tentazzjoni tkun dejjem li nikkuntentaw b’tip ta’ reliġjon fejn qisna nifirdu l-qima ta’ hawn ġew fil-knisja mill-ħajja ta’ kuljum. Mentri dak li niċċelebraw hawn qiegħed sewwasew biex ngħixuh mill-bieb ’il barra.

    Jekk hawn nisimgħu fuq li għandna nħobbu, naħfru, nirrispettaw lil xulxin, naħsbu f’min hu fil-bżonn, inkunu ta’ karità fi kliemna, ma ninsultawx jew inweġġgħu lill-oħrajn, inġibu l-għaqda mhux il-firda u l-mibegħda, inkunu onesti, nirrispettaw il-ħajja umana mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha – kliem bħal dan mhux qiegħed biex inħalluh għal hawn, nieħdu gost bih hawn, u naqfluh hawn ġew, imma biex ngħixuh fil-ħajja ta’ kuljum.

    Aħna msejħin biex ngħożżu l-kmandamenti ta’ Alla u ngħadduhom lill-oħrajn bi kliemna imma wkoll bl-eżempju ta’ ħajjitna.

    Għalhekk il-knisja kkonsagrata tfakkarna li aħna – kull wieħed u waħda minna – ġejna kkonsagrati fil-magħmudija. Ilkoll irċevejna sejħa biex ngħixu din il-konsagrazzjoni lil Alla fil-ħajja ta’ kuljum – fil-familja, fuq ix-xogħol, fil-għaqdiet u l-gruppi, mal-ġirien. Inkunu niċċelebraw tassew il-konsagrazzjoni ta’ din il-knisja meta nagħrfu fiha din is-sejħa li għandna bħala poplu kkonsagrat lill-Mulej.

    Dan hu li rajna wkoll fl-Ewwel Qari, meta Alla ta l-kmandamenti lill-poplu. Aħna nafu li l-kmandamenti huma għajnuna kbira biex ngħixu fl-imħabba ta’ Alla u ngħixu ta’ nies. Kull darba li terġa’ taqrahom, tiftakar kemm jolqtu fil-laħam il-ħaj. Aħna, bħala poplu kkonsagrat, imsejħin biex ngħożżu l-kmandamenti ta’ Alla u ngħadduhom lill-oħrajn bi kliemna imma wkoll bl-eżempju ta’ ħajjitna.

    Għalhekk illum: ħa nħarsu lura u ngħidu grazzi. Ħa nħarsu wkoll ’il quddiem u nitolbu lil Marija biex nibqgħu ngħożżu din il-knisja kkonsagrata, fiha nsibu lil Ġesù li jagħtina l-paċi u l-mistrieħ ta’ qalbna, imma wkoll minnha nirċievu l-enerġija biex inkunu tassew Insara ta’ veru u ngħixu l-konsagrazzjoni li aħna lkoll irċevejna fil-magħmudija tagħna.

    Mons. Joe Galea Curmi

    Vigarju Ġenerali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta