L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Qed nibdew mixja speċjali ħafna: il-mixja tar-Randan li twassalna għall-Ġimgħa Mqaddsa li fiha nimmeditaw il-passjoni u l-mewt tal-Mulej Ġesù u l-qawmien tiegħu mill-imwiet.
Qegħdin ukoll nibdew l-aħħar xahar qabel iż-żjara tal-Qdusija Tiegħu l-Papa fostna li jasal, jekk Alla jrid, fit-2 ta’ April, illum it-2 ta’ Marzu. Nitolbu ħafna għal min qed jieħu ħsieb l-organizzazzjoni f’dawn l-aħħar ġimgħat ta’ ħidma.
Dan kollu qed jiġri wkoll f’kampanja elettorali li fiha l-poplu tagħna hu mistieden biex jesprimi l-volontà demokratika tiegħu. Għalina wkoll huma ġimgħat speċjali ħafna għax aħna, li għaddejna ħafna sekli taħt il-ħakma ta’ xi ħadd barrani, kburin ħafna bil-proċess demokratiku tagħna u lkoll nafu kemm aħna akkaniti għalih, kultant iżżejjed ngħid jien. Imma dan l-għatx tal-poplu tagħna li jifhem, li jesprimi ruħu, hu għatx għad-demokrazija.
U aħna llum qegħdin hawnhekk ukoll f’dan il-kuntest partikolari, meta naraw ix-xena li taqsmilna qalbna ta’ pajjiż li ħareġ minn sekli ta’ ħakma dittatorjali, li kien qed jiffjorixxi bi sforzi kbar fi staġun ta’ demokrazija u llum qiegħed taħt aggressjoni ta’ vjolenza liema bħala.
Dan hu jum ta’ sawm u ta’ swied il-qalb fuq diversi livelli. Aħna minn dejjem konna preżenza dgħajfa għalkemm nistgħu nkunu wkoll ta’ xewka kontra l-aggressuri li ppruvaw jaħkmu lilna; nifhmu xi tfisser tkun assedjat, ibbumbardat, umiljat u allura meta niftakru fir-rakkonti ta’ missirijietna, nistgħu nifhmu l-qsim il-qalb li ġġib l-aggressjoni ħarxa.
Il-gwerra mhix il-lingwaġġ biex insolvu l-kunflitti.
Ġesù jitkellem dwar proċess li jibda fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna. Ma jimpressjonahx dak li jidher minn barra la fil-karità li nagħmlu, la fit-talb li nitolbu u lanqas fis-sawm. Mhux il-kwistjoni tal-cosmesi, tal-faċċata, ta’ dak li jidher għax hu jitkellem dwar Missierna li jara fil-moħbi. Għal tliet darbiet jirrepeti din is-silta mill-Evanġelju ta’ San Mattew kapitlu 6: “Missierek… missierek… Missierek li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu” (Mt 6:18).
Hu l-proċess tal-paċi li tibda mill-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna. Aħna faċli nikkritikaw, niddemonizzaw lil xulxin, anke xi pajjiżi, imma nistaqsu lilna nfusna llum fil-bidu tar-Randan imqaddes, il-qalb tiegħi hi kamp ta’ battalja, ta’ ħsibijiet ta’ kefrija, ta’ vendetta, ta’ għira, ta’ inġustizzja? Jew qed nissielet, għax hi wkoll battalja iebsa dik, kontra l-istinti tiegħi, l-egoiżmu tiegħi biex il-qalb tiegħi tkun oasi ta’ paċi, strument ta’ maħfra, ta’ rikonċiljazzjoni?
Aħna u nsellmu lill-Ukrajna u nitolbu għal dan il-pajjiż enormi, li jħaddar bil-qamħ qed jikber biex imbagħad imantni tant pajjiżi oħra, nitolbu biex dan il-qamħ ikun jista’ jikber u jsir ikel għad-dinja mhux jinħaraq bil-kefrija, il-bombi li jġibu biss il-qerda.
Nifhmu xi tfisser tkun assedjat, ibbumbardat, umiljat u allura meta niftakru fir-rakkonti ta’ missirijietna, nistgħu nifhmu l-qsim il-qalb li ġġib l-aggressjoni ħarxa.
U meta nitkellmu bejnietna, faċli nitkellmu fuq il-gwerra ’l bogħod minna, imma l-gwerra ’l bogħod minna trid ukoll issib risposta fostna li trid tkun risposta ta’ solidarjetà u ta’ rikonċiljazzjoni. Kliem iebes meta inti kontinwament ikkonfrontat minn xeni ta’ ġenn u ta’ kefrija djabolika. Kliem iebes u forsi kliem ukoll dgħajjef bħalma jidher dgħajjef il-ġest tagħna llum. X’kambjament se jġib?
U l-mistoqsija toħroġ ukoll minn fomm diversi: fejn hu Alla tagħkom? Min se jipproteġi dak il-poplu, dawk il-miljuni ta’ nies? Hi mistoqsija li ssib ir-risposta fil-qalb tagħna, fir-rieda tagħna. Imma wkoll fl-umiltà tagħna li nistqarru li forsi stajna nkunu kompliċi aħna ma’ sistema inġusta fejn is-sinjur isir iżjed sinjur u l-fqir hu ddisprezzat, fejn is-sinjur ikollu l-aġevolazzjonijiet kollha tad-dinja u min iħabbat fuq il-bieb għall-għajnuna nistaqsuh għandux biżżejjed biex iħallas. Aħna rridu nibdlu wkoll il-qalb tagħna u allura dawn iċ-ċirkostanzi jinterpellaw lil kull wieħed u waħda minna.
Jien nissellef il-kliem tal-Papa: “F’dawn il-jiem konna xxukjati” qal il-Papa nhar il-Ħadd li għadda waqt l-Angelus, “minħabba xi ħaġa traġika: il-gwerra. Bosta drabi tlabna biex ma tinqabadx din it-triq u mhux se nehdew nitolbu, anzi nitolbu bil-ħerqa u b’aktar intensità lil Alla. Għal daqshekk inġedded l-istedina biex kulħadd, illum it-2 ta’ Marzu, l-Erbgħa tar-Rmied, tkun ġurnata ta’ talb u sawm għall-paċi fl-Ukrajna, ġurnata biex inkunu qrib it-tbatijiet tal-poplu Ukren, biex inħossuna lkoll aħwa u nitolbu b’ħeġġa kbira lil Alla biex il-gwerra tintemm.
Forsi l-ikbar sawma din f’dan ir-Randan, inrażżnu l-mod kif nitkellmu fuq xulxin.
“Min jagħmel il-gwerra, min jipprovoka l-gwerra jkun qed jinsa l-umanità, ma jimpurtahx min-nies, mill-ħajja konkreta tal-persuni imma jqiegħed l-interessi tiegħu u tas-setgħa qabel kollox,” hekk qal il-Papa, “Idur lejn il-loġika djabolika u perversa tal-armi, il-loġika mill-aktar imbiegħda mir-rieda ta’ Alla u jinqata’ minn man-nies komuni li trid il-paċi u li f’kull kunflitt tkun il-vera vittma li tħallas b’ġildha l-ġenn tal-gwerra”.
U l-Papa jgħid: “Qed niftakar fl-anzjani, dawk li f’das-sigħat qed ifittxu kenn, l-ommijiet maħruba bi wliedhom magħhom. Dawn huma ħutna li hemm bżonn urġenti niftħulhom kurituri umanitarji u li għandhom ikunu milqugħin. B’qalbna mċarrta minħabba dak li qed jiġri fl-Ukrajna” u l-Papa jgħid, “ma ninsewx il-gwerer fl-inħawi l-oħra tad-dinja: il-Yemen, is-Sirja, l-Etjopja. Intenni,” jgħid il-Papa, “ħa jissikktu l-armi. Alla jieqaf mal-operaturi tal-paċi mhux ma’ min juża l-vjolenza. Għax min iħobb il-paċi,” u hawnhekk il-Papa jikkwota l-Kostituzzjoni Taljana, “jirrifjuta l-gwerra bħala strument ta’ offiża għal-libertà tal-popli l-oħra u bħala mezz biex isolvu l-kontroversji internazzjonali”. Il-gwerra mhix il-lingwaġġ biex insolvu l-kunflitti.
Ejjew nitolbu ħafna l-ewwel nett għalina biex il-gwerer li hemm bejnietna, speċjament l-użu ta’ kliem iebes għal xulxin fi staġun partikolari li jiġi kważi kull ħames snin fuqna, inrażżnuh. Forsi l-ikbar sawma din f’dan ir-Randan, inrażżnu l-mod kif nitkellmu fuq xulxin. Il-poplu għandu d-dritt, bħalma qalilna l-Eċċellenza tiegħu l-President, fl-appell li għamel fil-bidu ta’ din il-kampanja. Hemm bżonn ikun infurmat, hemm bżonn li l-wegħdi li jsirulu jkunu ta’ vera imma hemm bżonn ukoll li jkunu juru rispett u ċiviltà kif niddibattu, kif nippreżentaw lil xulxin quddiem l-opinjoni pubblika. Jirbaħ min jirbaħ hemm bżonn nuru l-irġulija, li nirrispettaw il-verdett tal-poplu biex il-poplu jkompli bil-ħajja tiegħu, biex id-demokrazija li ġġilidna tant għaliha tibqa’ strument prezzjuż ta’ min irid jaħdem għall-ġid komuni, għall-ġid ta’ kulħadd.
I would like to say a word to our friends from the Ukraine. I can’t speak your language but there is one language which is the language of brotherhood and love. We are with you and we will do whatever it takes to support you. You are not alone. May God bless the Ukraine. May peace prevail.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġoel 2:12-18
Salm: 50 (51): 3-4,5-6a,12-13,14 u 17
Qari II: 2 Kor 5:20-6:2
L-Evanġelju: Mt 6:1-6,16-18