B’lenti fuq il-Pastorali mal-Adolexxenti u żŻgħażagħ

Għażiż/a,

Għall-bidu tas-sena ġdida reġa wasal iż-żmien biex nistednukom għar-Raba’ Assemblea Ġenerali b’lenti fuq il-Pastorali mal-Adolexxenti u ż-Żgħażagħ, li ser issir nhar is-Sibt 23 ta’ Jannar 2010, fejn sejrin napprofondixxu it-tema:

L-Evanġelizzazzjoni mażŻgħażagħ 16+: Sfida, Opportunità u Mixja

Id-dettalji kollha loġistiċi flimkien ma’ punti dwar il-ħsieb wara din l-Assemblea u t-tema marbuta magħha, tistgħu ssibuhom fiż-żewġ komunikazzjonijiet li għandkom tirċievu ma’ din l-ittra. Ma din l-istedina qed nippreżentawlkom dokument li joffri proposta u strateġija ta’ evanġelizzazzjoni maż-żgħażagħ 16+ maħdum matul is-sena 2009 wara t-Tielet Assemblea Ġenerali. Importanti ħafna li tkunu preparati biex intom tesprimu l-ideat u l-kummenti tagħkom. Peress li l-ħin tal-Assemblea hu wieħed limitat, għal darb’oħra qed nistednukom ukoll sabiex tieħdu sehem f’wieħed mill-work shops li jistudjaw kif jistgħu jintlaħqu l-Miri tad-dokument.

Tistgħu ssibu aktar dettalji dwar il-work-shops mal-programm tal-Assemblea. Dawk kollha li beħsiebhom jirreġistraw, huma mitluba sabiex jibagħtu email fuq [email protected] sa nhar it-Tnejn 18 ta’ Jannar 2010. Minkejja li l-Assemblea ser tkun bla ħlas, dakinhar ser inkunu qed noffru files li fihom ser tkunu tistgħu żżommu d-dokumenti li minn żmien għal żmien qed inqassmulkom. Diġa tqassmu żewġ dokumenti, li huma l-Linji Gwida GħaċĊelebrazzjoni ta’ Quddiesa Żagħżugħa u Linji Gwida Għall-Ħidma Pastorali fl-Ambjent tal-Parroċċi. Il-prezz ta’ dawn il-files flimkien mad-dokumenti ser ikun dak ta’ €5. Min jixtieq kopja napprezzaw jekk tibagħtu email fuq [email protected] jew tikkuntattjawna fid-dettalji t’hawn fuq.

Nixtiequ li għal din l-Assemblea nistiednu wkoll rappreżentanza ta’ żgħażagħ 16+ mill-gruppi tagħkom. Nitolbukom li tistidnuhom jiġu magħkom għal din l-Assemblea ħalli jagħtu sehemhom huma wkoll.

Filwaqt li nittama li nara lil ħafna minnkom, inselli għalikom u nawguralkom sena ġdida mimlija barka u risq mingħand il-Mulej,

Fr. Savio Vella sdb

Delegat tal-Arċisqof għall-Adolexxenti u ż-Żgħażagħ

  • Preżentazzjoni:

Wara l-ewwel Assemblea li saret f’April tas-sena 2006, t-tieni waħda li saret f’Jannar 2008, u t-Tielet waħda li saret fl-24 ta’ Jannar 2009 qegħdin issa nippjanaw ir-Raba’ waħda, li ser issir nhar is-Sibt 23 ta’ Jannar. Din l-Assemblea essenzjalment torbot ma’ dik tas-sena l-oħra għaliex qed jiġi ppreżentat id-Dokument li nħadem matul is-sena bħala frott tat-Tielet Assemblea. Matul is-sena 2009 saru diversi laqgħat ma’ focus groups minn diversi ambjenti biex jiġi studjat dak kollu li ħareġ mit-Tielet Assemblea Ġenerali u jiġi inserit fid-dokument finali. Wara, numru ta’ żgħażagħ  ġew mitluba biex jiflu d-dokument għal diversi drabi sabiex naċċertaw ruħna li l-kontenut u l-lingwaġġ użat ikun wieħed li jinftiehem. Nistgħu ngħidu li dan hu dokument li ħareġ totalment minn idejkom u minn idejn iż-żgħażagħ. Importanti li jinqara, jigi assimilat, u flimkien nahdmu biex nghixuh.

Għalhekk, matul din l-Assemblea, sejrin nitkellmu fuq il-miri prinċipali li jippreżenta dan id-dokument u nfasslu linji gwida sabiex nibdew inpoġġuħ fil-prattika. Peress li d-dokument joffri mhux biss kuntest u teorija iżda wkoll proposta prattika ta’ strateġija, qed nistednukom biex tqisu dan id-dokument wieħed dinamiku u ħaj li jirrikjedi evalwazzjoni kontinwa.

Ninkoraġġukom ħafna sabiex taqraw id-dokument u tiġu ppreparati li tagħtu s-sehem tagħkom f’dan il-proġett, kemm bil-preżenza tagħkom fl-Assemblea u kemm bil-ħidma tagħkom fil-working groups biex dan il-proġett jitwettaq.

Fil-bidu tal-Assemblea ser jiġi ppreżentat sintesi tad-dokument sabiex jintroduċina għad-djalogu li jeħtieġ li jsir fil-working groups b’dawn it-temi:

(3.1) Iż-żgħażagħ ikunu akkumpanjati f’din il-mixja

(3.2) Iż-żgħażagħ ikunu mħejjija b’mod sħiħ

(3.3) Iż-żgħażagħ jagħmlu mixja ta’ żvilupp u ta’ maturazzjoni fil-fidi

(3.4) Iż-żgħażagħ jagħrfu s-sejħa tagħhom

(3.5) Iż-żgħażagħ ikollhom sehem sħiħ fl-evanġelizzazzjoni

  • Programm

Data: 23 ta’ Jannar 2010

Ħin: 08:30 – 12:45

Post: Ċentru Parrokkjali Attard

Programm:

08.30 – 09.00:       Reġistrazzjoni

09.00 – 09.15:      Mument ta’ Talb

09.15 – 10:00:      Preżentazzjoni tad-Dokument min,

Rev. Savio Vella sdb

Delegat tal-Arċisqof għall-Adolexxenti u ż-Żgħażagħ

10.00 – 10.30:      Coffee break

10.30 – 12:00:      Workshops

(3.1) Iż-żgħażagħ ikunu akkumpanjati f’din il-mixja

(3.2) Iż-żgħażagħ ikunu mħejjija b’mod sħiħ

(3.3) Iż-żgħażagħ jagħmlu mixja ta’ żvilupp u ta’ maturazzjoni fil-fidi

(3.4) Iż-żgħażagħ jagħrfu s-sejħa tagħhom

(3.5) Iż-żgħażagħ ikollhom sehem sħiħ fl-evanġelizzazzjoni

12.00 – 12:30:      Feedback

12.30 – 12:45:      Għeluq ta’ l-Assemblea