• Ħadd il-Palm tal-Passjoni tal-Mulej – Sena Ċ

    San Luqa 22:14-71.23:1-56
    Meta sar il-ħin, qagħad fuq il-mejda flimkien mal-appostli. U Ġesù qalilhom: “Kelli xewqa kbira li nagħmel din l-ikla ta’ l-Għid magħkom qabel ma nbati! Għaliex, ngħidilkom, din l-ikla m’iniex se nagħmilha iżjed sa ma tkun seħħet għalkollox fis-Saltna ta’ Alla.”U qabad kalċi, radd il-ħajr u qal: “Ħudu dan il-kalċi u aqsmuh bejnietkom. Għaliex, ngħidilkom, minn issa  ‘l quddiem ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa ma tiġi s-Saltna ta’ Alla.” Mbagħad ħa l-ħobż, radd il-ħajr, qasmu, newwilhulhom u qal: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” Hekk ukoll wara l-ikla ħa l-kalċi u qal: “Dan il-kalċi huwa l-Patt il-Ġdid b’demmi, id-demm li jixxerred għalikom. Imma, araw, id dak li se jittradini qiegħda miegħi fuq il-mejda. Għax tassew li Bin il-bniedem imur, kif hemm maqtugħ, imma ħażin għalih dak il-bniedem li jittradih!” Huma għalhekk bdew jistaqsu lil xulxin min minnhom kien se jagħmel dan.
    Nqalgħet ukoll kwistjoni bejniethom dwar min minnhom kellu jinżamm bħala l-akbar wieħed. Imma hu qalilhom: “Fost  il-pagani s-slaten jaħkmu fuq in-nies, u dawk li jħaddmu s-setgħa fuqhom isejjħulhom benefatturi. Intom mhux hekk, imma  l-akbar fostkom għandu jġib ruħu ta’ l-iżgħar wieħed, u min hu fuq   l-oħrajn iġib ruħu ta’ qaddej. Għax min hu l-akbar, dak li jkun fuq il-mejda, jew dak li jkun qiegħed jaqdi? M’hux dak li jkun fuq il-mejda? Imma jien qiegħed fostkom nagħmilha ta’ qaddej. Intom, mbagħad, intom dawk li żammejtu sħiħ miegħi fit-tiġrib kollu li ġie fuqi; u bħalma Missieri ħejja saltna għalija, hekk ukoll jiena nħejji għalikom, biex tieklu u tixorbu fuq il-mejda miegħi f’saltnati, u toqogħdu fuq tronijiet biex tagħmlu ħaqq mit-tnax-il tribù ta’ Iżrael.  “Xmun! Xmun! Ara, ix-Xitan riedkom f’idejh biex jgħaddikom mill-għarbiel bħall-qamħ; imma jiena tlabt għalik, biex il-fidi tiegħek ma tiġix nieqsa. Inti mbagħad, meta terġa’ lura għas-sewwa, wettaq lil ħutek.” Qallu Xmun: “Mulej, jiena lest li miegħek niġi saħansitra l-ħabs, lest li nieħu l-mewt ukoll.” Imma Ġesù qallu: “Ngħidlek, Pietru, li llum, qabel ma jidden is-serduk, tkun ċħadt għal tliet darbiet li inti tafni!”
    Mbagħad qalilhom: “Naqsitkom xi ħaġa meta bgħattkom bla borża u bla ħorġa u bla qorq!”  “Ma naqasna xejn,” weġbuh. “Imma issa,” qalilhom, “min għandu borża jqis li jeħodha miegħu, u min għandu ħorġa wkoll; u min ma għandux sejf, ibigħ il-libsa ta’ fuqu u jixtri wieħed. Għaliex ngħidilkom, jeħtieġ li jseħħ fija dak li hemm miktub, jiġifieri, ‘li kien magħdud mal-ħżiena’. Tabilħaqq, dak li hemm miktub fuqi jseħħ.” “Mulej,” qalulu, “ara, hawn żewġt isjuf hawnhekk.” “Biżżejjed!” qalilhom.
    Mbagħad ħareġ u mar bħas-soltu fuq l-Għolja taż-Żebbuġ, u d-dixxipli wkoll marru miegħu.  Kif wasal hemmhekk qalilhom: “Itolbu li ma tidħlux fit-tiġrib.” Mbagħad tbiegħed minnhom daqs tefgħa ta’ ġebla, u nxteħet għarkubbtejh jitlob u jgħid: “Missier, jekk inti trid, warrab minni dan il-kalċi! Iżda tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi.” Deherlu anġlu mis-sema biex jagħmillu l-qalb, imma hu ħass dwejjaq tal-mewt fuqu u beda jitlob b’ħerqa akbar. L-għaraq sarlu bħal qtar tad-demm iċarċar sa   l-art. Mbagħad qam mit-talb, mar ħdejn id-dixxipli u sabhom reqdin minħabba s-swied ta’ qalb. “Kif!” qalilhom “Irqadtu? Qumu u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib!”
    Kif kien għadu jitkellem, waslet ġemgħa nies. Quddiem kien hemm dak li jismu Ġuda, wieħed mit-Tnax, u dan resaq lejn Ġesù biex ibusu. Imma Ġesù qallu: “Bewsa għażilt, Ġuda, biex tittradih lil Bin il-bniedem?” Dawk ta’ madwaru, meta raw x’kien ġej, qalulu: “Mulej, tridx nagħtu bis-sejf?” U wieħed minnhom ta daqqa ta’ sejf lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu barra widintu l-leminija. Imma Ġesù qal: “Ieqfu! Biżżejjed!” U messlu widintu u fejjqu. Mbagħad Ġesù qal lill-qassisin il-kbar, lill-uffiċjali tat-tempju u lix-xjuħ li ġew għalih: “Qiskom ħriġtu għal xi ħalliel, armati bis-sjuf u l-bsaten! Meta kont inkun magħkom kuljum fit-tempju, ma meddejtux idejkom fuqi. Imma din hi s-siegħa tagħkom u s-setgħa tad-dlamijiet!”
    Mbagħad qabdu lil Ġesù u ħaduh magħhom, u daħħluh fil-palazz tal-qassis il-kbir. Pietru baqa’ miexi warajhom  mill-bogħod.  Meta mbagħad qabbdu n-nar f’nofs il-bitħa u nxteħtu bilqiegħda madwaru, Pietru mar qagħad bilqiegħda f’nofshom. Imma kif kien hemm bilqiegħda maġenb in-nar, ratu waħda qaddejja, waħħlet għajnejha fuqu u qalet: “Dan ukoll kien miegħu!” Iżda hu ċaħad u qalilha: “Mara, anqas biss nafu!” Wara ftit rah xi ħaddieħor, u qallu: “Int ukoll wieħed minnhom.” Imma Pietru wieġbu: “Le, sieħeb, m’iniex!” Għaddiet xi siegħa u raġa’ kien hemm ieħor li beda jisħaq u jgħid: “Iva, tassew, dan ukoll kien miegħu, għax dan ukoll mill-Galilija.” Iżda Pietru qallu: “Ma nafx x’inti tgħid, sieħeb.” U minnufih, kif kien għadu jitkellem, is-serduk idden. U l-Mulej dar u ħares lejn Pietru; u Pietru ftakar fil-kelma li l-Mulej kien qallu, ‘Illum, qabel ma jidden is-serduk, inti tkun ġa ċħadtni tliet darbiet.’  U ħareġ ‘il barra jibki b’qalbu maqsuma.
    L-irġiel li kienu qegħdin iżommu lil Ġesù bdew jgħadduh  biż-żufjett u jsawwtuh, u għattewlu wiċċu u bdew jistaqsuh u jgħidulu: “Aqta’ min tahielek din id-daqqa!”  U qagħdu jgħajjruh b’ħafna kliem ieħor.
    Meta sebaħ, ltaqgħet il-ġemgħa tax-xjuħ tal-poplu,  il-qassisin il-kbar u l-kittieba, u ħadu lil Ġesù quddiem is-Sinedriju tagħhom.  U qalulu: “Jekk inti l-Messija, għidilna.” Iżda hu weġibhom: “Jekk ngħidilkom, ma temmnux; jekk nistaqsikom, ma tweġbux.  Imma minn issa ‘l quddiem Bin il-bniedem ikun bilqiegħda n-naħa tal-lemin ta’ Alla li jista’ kollox.”  U lkoll qalulu: “Inti mela l-Iben ta’ Alla?” “Intom stess qegħdin tgħiduh,” qalilhom, “Iva, jien.” “Xi ħtieġa għandna iżjed ta’ xhieda?” qalu huma,”Għax smajnieha aħna minn fommu stess!”
    Mbagħad qamet il-ġemgħa kollha u ħaduh għand Pilatu. U bdew jakkużawh u jgħidu: “Aħna sibna li dan il-bniedem qiegħed ixewwex lill-ġens tagħna, li m’huwiex iħalli lil min iħallas it-taxxa lil Ċesari, u li qiegħed jgħid li hu l-Messija Sultan.” Pilatu staqsieh u qallu: “Inti s-sultan tal-Lhud?” U hu wieġbu: “Inti qiegħed tgħidu.” Pilatu qal lill-qassisin il-kbar u lill-kotra tan-nies: “Ebda ħtija ma nsib f’dan il-bniedem.” Iżda huma baqgħu jinsistu u jgħidu: “Qiegħed ixewwex lill-poplu, u jgħallem fil-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija sa hawnhekk stess.”
    Kif sama’ dan, Pilatu staqsa jekk dak ir-raġel kienx mill-Galilija, u meta sar jaf li hu kien min-naħa li kien jagħmel minnha Erodi, bagħtu quddiemu, għax f’dawk il-jiem Erodi wkoll kien Ġerusalemm. Erodi feraħ ħafna meta ra lil Ġesù, għax minn dak li kien sama’ fuqu kien ilu żmien jixtieq jarah, bit-tama li jara li jagħmel xi sinjal.  U għamillu bosta mistoqsijiet, imma Ġesù ma wieġbu xejn. Il-qassisin il-kbar u l-kittieba, b’saħna kbira fuqhom, qagħdu jakkużawh. Imma Erodi, flimkien mas-suldati tiegħu, beda jżebilħu u jgħaddih biż-żufjett, libbsu libsa ta’ kulur ilellex u raġa’ bagħtu quddiem Pilatu. Issa Erodi u Pilatu fl-imgħoddi kellhom għal xulxin, imma dak in-nhar saru ħbieb.
    Pilatu sejjaħ flimkien il-qassisin il-kbar, il-kapijiet, u  l-poplu. u qalilhom: “Ġibtuli quddiemi lil dan il-bniedem bħala wieħed li qiegħed ixewwex lill-poplu. Ara, jiena stħarriġtu quddiemkom fuq l-akkużi li qegħdin iġġibu kontra tiegħu, u ma sibt ebda ħtija fih. U anqas Erodi ma sab, għax raġa’ bagħtu quddiemna. Qegħdin taraw, mela, li ma għamel xejn li ħaqqu l-mewt.
    Għalhekk nagħtih is-swat u nitilqu.” Iżda huma qabdu jgħajjtu lkoll f’daqqa: “Agħtih il-mewt lil dan! Itilqilna ‘l Barabba!” Dan Barabba kienu tefgħuh il-ħabs minħabba rewwixta li kienet qamet fil-belt għax kien qatel. Pilatu, billi ried jitlaq lil Ġesù, għolla leħnu u raġa’ kellimhom; iżda huma qabdu jgħajjtu aktar minnu u jgħidu: “Sallbu! Sallbu!” Għat-tielet darba qalilhom: “Imma dan x’għamel ħażin? Ma sibt fih ebda ħtija li ħaqqha l-mewt. Mela nagħtih  is-swat u nitilqu.” Iżda huma b’ħafna għajat baqgħu jinsistu u jitolbu li jkun imsallab, sakemm fl-aħħar għaddiet tagħhom. Għalhekk Pilatu qatagħha li jsir kif talbu huma. Telqilhom lil min talbu, jiġifieri lil dak li kien mitfugħ il-ħabs minħabba rewwixta u qtil, u lil Ġesù tahulhom bħalma xtaqu.
    Huma u sejrin bih, qabdu wieħed, jismu Xmun, minn Ċireni, li kien ġej lura mir-raba’, u għabbewh bis-salib biex iġorru wara Ġesù. Kotra kbira ta’ nies kienet miexja warajh; fosthom kien hemm xi nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh. Imma Ġesù dar lejhom u qalilhom: “Nisa ta’ Ġerusalemm, mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom. Għax, araw, għad jiġi żmien meta jgħidu, ‘Hienja dik li ma għandhiex tfal, hieni l-ġuf li qatt ma wiled u s-sider li qatt ma redda’!” Mbagħad jibdew jgħidu  lill-muntanji, ‘Aqgħu fuqna!’, u lill-għoljiet, ‘Ordmuna!’ Għax jekk dan kollu qegħdin jagħmluh liz-zokk meta għadu aħdar, mela xi jsir minnu meta jinxef?”
    Kien hemm ukoll tnejn oħra, żewġt irġiel ħatja, li ħaduhom għall-mewt miegħu. Meta waslu fil-post jgħidulu l-Qorriegħa, sallbuhom hemm, lilu u lill-ħatja, wieħed fuq  il-lemin tiegħu u l-ieħor fuq ix-xellug. U Ġesù qal: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.” Mbagħad tellgħu x-xorti u qassmu ħwejġu bejniethom. Il-poplu waqaf hemm, iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b’Ġesù u jgħidu: “Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla!” Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh, newwlulu nbid qares u qalulu: “Jekk inti s-sultan tal-Lhud salva lilek innifsek!” Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid, ‘Dan huwa s-sultan tal-Lhud.’
    Wieħed mill-ħatjin li kienu msallbin miegħu beda jgħajjru u jgħidlu: “Int m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna.”  Imma qabeż l-ieħor, ċanfru u qallu: “Anqas minn Alla int ma tibża’,  int li qiegħed taħt l-istess kundanna? Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kull ma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin.” Mbagħad qal: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek.” U Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi.”
    Għall-ħabta tas-sitt siegħa waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sad-disa’ siegħa, għax ix-xemx iddallmet. Il-velu tas-santwarju ċċarrat min-nofs. Mbagħad Ġesù għajjat għajta kbira u qal: “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi.” U kif qal hekk, ħarġet ruħu. Iċ-ċenturjun, meta ra x’ġara, beda jfaħħar lil Alla u jgħid: “Tassew li dan bniedem ġust!” U n-nies kollha li kienu nġabru hemm biex jaraw, meta raw dawn il-ġrajja, reġgħu lura jħabbtu fuq sidirhom. Dawk kollha li kienu jafuh qagħdu jaraw kollox mill-bogħod; hekk ukoll xi nisa li kienu ġew warajh sa minn meta kien għadu fil-Galilija.
    U kien hemm wieħed jismu Ġużeppi, membru tal-Kunsill, imma raġel tajjeb u ġust, li ma kienx qabel mal-membri l-oħra f’dak li riedu u f’dak li għamlu. Kien minn Arimatija, belt tal-Lhudija, u kien jistenna s-Saltna ta’ Alla. Dan mar għand Pilatu u talbu  l-ġisem ta’ Ġesù; niżżlu mis-salib, keffnu f’liżar, u qiegħdu f’qabar maqtugħ fil-blat, li fih kien għadu ma tqiegħed ħadd. Dak in-nhar kien Jum it-Tħejjija, u s-Sibt kien għoddu beda. In-nisa, li kienu ġew mill-Galilija ma’ Ġesù marru wara Ġużeppi u raw  il-qabar u kif kienu qiegħdu l-katavru; mbagħad reġgħu lura u ħejjew il-fwejjaħ u l-mirra. Is-Sibt għaddewh fil-mistrieħ, skond  il-preċett tal-Liġi.