Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Lhud 2, 14-18
Salm: 104 (105), 1-2.3-4.6-7.8-9

L-Evanġelju: Mk 1, 29-39

F’dak iż-żmien, Ġesù ħareġ mis-sinagoga u baqa’ sejjer ma’ Ġakbu u Ġwanni għand Xmun u Indrì. Issa omm il-mara ta’ Xmun kienet fis-sodda bid-deni, u malajr qalulu biha. Resaq lejha, qabadha minn idha u qajjimha. U d-deni ħallieha, u bdiet isservihom. Filgħaxija, imbagħad, fi nżul ix-xemx, ħadulu quddiemu lil dawk kollha li kienu morda jew li kienu maħkuma mix-xitan. U quddiem il-bieb inġabret il-belt bi ħġarha. U fejjaq ħafna morda minn kull xorta ta’ mard, u ħareġ għadd kbir ta’ xjaten li hu ma kienx iħallihom jitkellmu, għax huma kienu jafu min kien.

L-għada filgħodu kmieni, qabel ma żernaq, qam, ħareġ u mar f’post imwarrab u qagħad hemm jitlob. Xmun u sħabu l-oħrajn marru jfittxuh. Kif sabuh, qalulu: “Kulħadd jistaqsi għalik”. U qalilhom: “Ejjew immorru band’oħra, fl-irħula tal-qrib, ħalli nipprietka hemmhekk ukoll, għax għalhekk ħriġt”.

U dar il-Galilija kollha, jipprietka fis-sinagogi tagħhom u joħroġ ix-xjaten.

Qaddis tal-jum: San Ilarju, Isqof u Duttur tal-Knisja