Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: 1 Sam 1, 9-20
Salm: 1 Sam 2, 1.4-5.6-7.8abċd

L-Evanġelju: Mk 1, 21b-28

F’dak iż-żmien, Ġesù, f’jum is-Sibt, daħal fis-sinagoga ta’ Kafarnahum u qagħad jgħallem. In-nies baqgħu mistagħġbin bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax beda jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa, u mhux bħall-kittieba.

Mela jkun hemm fis-sinagoga tagħhom raġel bi spirtu ħażin u qabad jgħajjat u jgħid: “Aħna x’għandna x’naqsmu, Ġesù ta’ Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jien naf min int: Il-Qaddis ta’ Alla!”. Imma Ġesù kkmandah: “Iskot u oħroġ minnu!” Imbagħad l-ispirtu ħażin lir-raġel beda jħabbtu ħafna, għajjat għajta kbira u ħareġ minnu.

U lkoll stagħġbu, u bdew jistaqsu lil xulxin u jgħidu: “Dan x’inhu? X’tagħlim ġdid mogħti bis-setgħa! Sa lill-ispirti ħżiena jikkmanda, u huma joqogħdu għalih!”. U l-fama tiegħu malajr xterdet mal-inħawi kollha tal-Galilija.