Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Ġak 3:13-18
Salm:
 18 (19):8,9,10,15

L-Evanġelju: Mk 9:14-29

F’dak iż-żmien, Ġesù, Pietru, Ġakbu u Ġwanni, niżlu minn fuq il-muntanja u ġew ħdejn id-dixxipli l-oħra, rawhom b’kotra kbira ta’ nies madwarhom, u xi kittieba jitlewmu magħhom. In-nies, kif rawh, ilkoll stagħġbu ħafna u ġrew lejh biex isellmulu. U hu staqsiehom: “Fuqiex qegħdin titlewmu magħhom?”. U wieħed mill-kotra qallu: “Mgħallem, ġibtlek lil ibni għax għandu spirtu mbikkem. U kull fejn jaħkmu jsabbtu mal-art u hu joħroġ ir-ragħwa minn ħalqu, jgħażżeż snienu u jibbies. Għedt lid-dixxipli tiegħek biex ikeċċuh minnu, u ma kellhomx ħila”.

Qalilhom Ġesù: “Ja nies bla fidi! Kemm se ndum magħkom? Kemm se ndum nissaportikom? Ġibuhuli quddiemi”. U ressquhulu quddiemu. L-ispirtu, malli lemaħ lil Ġesù, beda jħabbtu ’l hawn u ’l hemm bir-ragħwa f’ħalqu. “Xi kemm ilu jagħtih hekk?” staqsa Ġesù lil missieru. Qallu: “Minn ċkunitu, u sikwit ġie li tefgħu fin-nar u fl-ilma biex jeqirdu. Imma int, jekk tista’ tagħmel xi ħaġa, għinna u ħenn għalina”. Qallu Ġesù: “Jekk tista’! Kollox jista’ jkun għal min jemmen”. Missier it-tifel minnufih beda jgħajjat u jgħidlu: “Jiena nemmen! Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi!”.

Ġesù, meta ra l-kotra tiżdied, hedded bl-aħrax lill-ispirtu ħażin u qallu: “Ja spirtu mbikkem u trux, jiena nordnalek: oħroġ minnu, u la terġax tidħol fih, qatt iżjed”. U filwaqt li qabad jixher u jħabbtu ħafna, ħareġ minnu, u t-tifel inxteħet għal mejjet, hekk li l-kotra tan-nies bdiet tgħid: “Miet”. Imma Ġesù qabdu minn idu u qajmu, u hu waqaf fuq saqajh. Meta mbagħad Ġesù raġa’ daħal id-dar, id-dixxipli tiegħu staqsewh rasu u rashom: “Għaliex ma rnexxilniex inkeċċuh?”. Qalilhom: “Spirtu bħal dak, ma jista’ jitkeċċa b’xejn ħlief bit-talb”.

Qaddis tal-jum: San Pietru Damiani, isqof u duttur tal-Knisja