L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Hemm erba’ kelmiet sbieħ li Ġesù jgħid illum f’sentenza waħda: ħobbu, agħmlu l-ġid, bierku, itolbu. Immaġinaw kemm tkun sabiħa ħajjitna meta aħna nħobbu, nagħmlu l-ġid, inbierku, nitolbu!

Imma Ġesù jgħid ħafna aktar minn hekk. Għax meta jgħid lil min, barra minn dak li qal drabi oħra li nħobbu, nagħmlu l-ġid, inbierku, nitolbu għal kulħadd, hawnhekk jispeċifika lil min: lill-għedewwa tagħna, lil dawk li jobogħduna, lil dawk li jisħtuna, lil dawk li jżebilħuna. L-istorja hi ftit differenti meta tara lil min Ġesù qed jitlob li għal kull azzjoni ħażina li nirċievu, inpattu b’azzjoni tajba.

Ħasda kbira

Għalhekk il-kliem ta’ Ġesù hu kliem li ħasad lid-dixxipli tiegħu. Lilna wkoll jippreżenta sfida qawwija ħafna. Għax diffiċli taħfer, ngħiduha kif inhi. Mhux biss f’xi okkażjonijiet kbar li niltaqgħu magħhom fil-ħajja tagħna, f’xi mumenti partikulari, imma wkoll fil-ħajja ta’ kuljum: xi ħadd tagħmillu l-ġid u jpattilek bid-deni, xi ħadd li għentu u mbagħad tisma’ li qal kontrik jew jgħidlek kelma li tweġġgħek. F’mumenti bħal dawn, bilfors li tħoss weġgħa minn ġewwa.

Għażla iebsa

Għalhekk tajjeb li nifhmu Ġesù xi jrid minna meta jgħidilna li għandna naħfru lil min jagħmlilna l-ħsara. L-ewwel nett – u din hi importanti ħafna – il-maħfra ma tfissirx li ma tħossx. Kultant issib min jgħidlek: ma nistax naħfer għax għadni nħoss antipatija għal dik il-persuna; kif naraha, inħoss xi ħaġa fija kontriha.

Il-maħfra hi għażla li ma tagħmilx vendikazzjoni, li ma żżommx f’qalbek, għażla li tagħmel il-ġid lil dak li jkun. 

Il-maħfra mhijiex għax ma tħossx,  il-maħfra hi għażla. Hi għażla li ma tpattix deni b’deni, li ma tagħmilx ħsara lil min għamillek il-ħsara, bħalma rajna fl-ewwel qari, meta David kellu l-okkażjoni li jpattiha lil Sawl għall-ħsara li kien għamillu – sabu rieqed, bil-lanza ħdejn rasu, u kien hemm min qed iħeġġu biex jaqbad u joqtlu – imma għażel li ma jpattilux. Hi għażla li ma tagħmilx vendikazzjoni, li ma żżommx f’qalbek, għażla li tagħmel il-ġid lil dak li jkun. 

Ma jfissirx li ma tħossx, jew li tibqa’ frisk bħal ħassa. Ġieli tħoss lil min jimbuttak imma tagħżel li taħfirlu. Il-maħfra qiegħda hawn, meta tgħid: minkejja dak li qed inħoss, ma rridx nagħmel ħsara, irrid naħfer. Mhux għax qed inħossni tajjeb, imma minkejja dak li qed inħoss ġewwa fija.

Għażla li tagħmilna nixbhuh

Hi għażla iebsa, kultant iebsa ħafna. Altru qed nitkellmu hawn, altru meta tkun fil-fatt. Hi iebsa għax qisek qed tmur kontra tiegħek innifsek. Imma aħna lkoll nafu li l-ħajja Nisranija mhix xi ħajja faċli, ratba. Ġesù qatt ma rattabha biex jingħoġob. Hu wriena li rridu nagħmlu ċerti għażliet ibsin. Għalhekk Ġesù jitlob minna li naħfru.

Il-maħfra qatt ma għandha tintuża biex tgħatti l-inġustizzja, jew biex isaħħaħ sistemi ta’ abbuż jew inġustizzji.

Hi għażla li tagħmilna nixbhu lilu, li dejjem ħafer lill-għedewwa tiegħu, sa fuq is-salib, fl-iktar mument ta’ tbatija, meta talab u qal: “Missier aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”. Kif għedna fis-salm, kliem li juri l-qalb ta’ Alla: “Iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena, ħanin u twajjeb il-Mulej”. Din hi l-esperjenza tagħna ta’ Alla li jaħfer.

Għażla li tagħmlilna l-ġid

U meta naħfru, fl-aħħar mill-aħħar nagħmlu ġid lilna nfusna stess. Innutawha din: kif meta naħfru, ngħixu ħafna aktar ħielsa, fil-paċi. Ġieli tisma’ stejjer dolorużi ta’ nies li, wara snin twal, għadhom ma ħafrux; kultant, fi ħdan il-familja stess. U għalhekk jgħixu dejjem b’dan it-toqol f’qalbhom, dejjem ikkundizzjonati minn xi ħadd. Meta taħfer, tibqa’ ħieles, ma ssirx priġunier. Ma tħalli lil ħadd, lil ebda persuna, ebda ġrajja, tmexxilek ħajtek u tikkundizzjonak. Alla jridna ngħixu ħielsa. Il-maħfra hi rebbieħa.

Għażla li ma tippermettix abbuż

Irridu nifhmu li l-maħfra ma tfissirx li ma naħdmux għall-ġustizzja, għal dak li hu sewwa. U lanqas li b’xi mod jew ieħor nagħlqu għajnejna għal dak li hu ħażin, jew ngħattu l-ħażin li jsir u nostruh bl-omertà. Il-maħfra ma tfissirx impunità, jiġifieri li min jagħmel il-ħażin jibqa’ għaddej jagħmel li jrid, għax ħadd ma jwaqqfu. Il-maħfra qatt ma għandha tintuża biex tgħatti l-inġustizzja, jew biex isaħħaħ sistemi ta’ abbuż jew inġustizzji.

Insemmi, bħala eżempju, il-każ ta’ xi ħadd li hu vittma ta’ vjolenza domestika – persuna li qed isawtuha d-dar. Jekk tkun vittma ta’ vjolenza domestika, qatt ma għandek tirraġuna: jiena naħfer, għalhekk inkompli nkun vittma ta’ abbuż ta’ ħaddieħor. Taħfer ma tfissirx tibqa’ vittma, taqla’ s-swat. Taħfer tfisser li taħdem bis-sħiħ biex ma tibqax vittma ta’ abbuż, biex isseħħ ġustizzja. Tagħmel dan mhux b’vendikazzjoni, jew biex toħloq vittma ġdida, imma tieħu l-passi u ma tħallix min jabbuża minnek biex kulħadd jgħix b’dinjità.

Għażla bl-għajnuna ta’ Alla

Żgur li biex naħfru, neħtieġu ħafna għajnuna minn Alla. Ħa tkun din it-talba tagħna: li nkunu nies li ma nżommux f’qalbna, ma npattux, li naħfru dejjem. Nitolbu lill-Mulej biex ikompli jkun ta’ ispirazzjoni għalina ħalli nħobbu, nagħmlu l-ġid, inbierku u nitolbu għal min jagħmlilna l-ħsara.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju