• San Mattew 13:10-17

    Resqu lejh id-dixxipli u staqsewh: “Għaliex tkellimhom bil-parabboli?” Hu weġibhom: “Għax lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna tas-Smewwiet; iżda lilhom dan ma kienx mogħti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. Jien għalhekk inkellimhom bil-parabboli; għax iħarsu kemm iħarsu ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux. U hekk isseħħ fihom il-profezija ta’ Isaija li tgħid,
     
                   ‘Tisimgħu kemm tisimgħu ma tifhmux,
                    u tħarsu kemm tħarsu ma tarawx.
                    Għax il-qalb ta’ dan il-poplu twebbset:
                    kienu tqal biex jisimgħu b’widnejhom,
                    u għalqu għajnejhom li ma
                    jmorrux jaraw b’għajnejhom,
                    u jisimgħu b’widnejhom,
                    u jifhmu b’moħħhom,
                    u hekk ibidlu ħajjithom
                    u jiena nfejjaqhom.’
     
    “Intom, iżda, henjin għajnejkom, għax qegħdin jaraw; henjin widnejkom, għax qegħdin jisimgħu. Tassew, ngħidilkom, li bosta profeti u nies ġusti xtaqu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom u ma semgħuhx!
     
    Qaddis tal-jum: San Lawrenz ta’ Brindisi, Presbiteru u Duttur tal-Knisja