• San Mattew 13:10-17

    Resqu lejh id-dixxipli u staqsewh: “Għaliex tkellimhom bil-parabboli?” Hu weġibhom: “Għax lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna tas-Smewwiet; iżda lilhom dan ma kienx mogħti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu.  Jien għalhekk inkellimhom bil-parabboli; għax iħarsu kemm iħarsu ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux. U hekk isseħħ fihom il-profezija ta’ Isaija li tgħid,

                   ‘Tisimgħu kemm tisimgħu ma tifhmux,

                    u tħarsu kemm tħarsu ma tarawx.

                    Għax il-qalb ta’ dan il-poplu twebbset:

                    kienu tqal biex jisimgħu b’widnejhom,

                    u għalqu għajnejhom li ma

                    jmorrux jaraw b’għajnejhom,

                    u jisimgħu b’widnejhom,

                    u jifhmu b’moħħhom,

                    u hekk ibidlu ħajjithom

                    u jiena nfejjaqhom.’

    “Intom, iżda, henjin għajnejkom, għax qegħdin jaraw; henjin widnejkom, għax qegħdin jisimgħu. Tassew, ngħidilkom, li bosta profeti u nies ġusti xtaqu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom u ma semgħuhx!

    Qaddisa tal-jum: Santa Briġida, Reliġjużza u Padruna tal-Ewropa