L-Isem Imqaddes ta’ Alla
Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: 1 Ġw 2:29 – 3:6
Salm: 97 (98):1,3ċd-4,5-6
L-Evanġelju: Ġw 1:29-34
F’dak iż-żmien, Ġwanni ra lil Ġesù riesaq lejh, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja! Dan hu li għalih għedtilkom: ‘Warajja ġej bniedem li hu aqwa minni, għax kien qabli.’ Anqas jien stess ma kont nafu; imma jien għalhekk ġejt ngħammed bl-ilma, biex hu jkun mgħarraf lil Iżrael.”
U Ġwanni xehed għalih u qal: “Jiena rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u joqgħod fuqu. Tabilħaqq, anqas jien ma kont nafu; imma dak li bagħatni ngħammed bl-ilma, hu stess qalli: ‘Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu.’ Dan rajtu b’għajnejja, u għalhekk xhedt: ‘Dan hu l-Iben ta’ Alla.'”