Għeżież ħuti, is-sena t-tajba!

F’dan il-jum li fih niċċelebraw lil Marija Santissma Omm Alla, inqiegħedu ż-żmien li ngħatalna taħt il-ħarsien attent tagħha. J’alla tindukrana tul din is-sena.

L-Evanġelju tal-lum jurina li l-kobor ta’ Marija mhux riżultat ta’ xi azzjoni straordinarja; pjuttost, waqt li r-ragħajja jħaffu lejn Betlehem wara li waslitilhom l-aħbar (cfr Lq 2,15-16), hi tibqa’ siekta.  Hu sinjal sabiħ is-skiet tal-Omm. Ma jfissirx biss sempliċi fomm magħluq, iżda silenzju mimli stagħaġib u adorazzjoni għall-għeġubijieet li qed jagħmel Alla. “Marija – jinnota San Luqa – …kienet tgħożż f’qalbha dan kollu” (2,19).  B’hekk hi tagħmel il-wisa’ f’qalbha għal dak li twieled; fis-skiet u l-adorazzjoni, tqiegħed lil Ġesù fiċ-ċentru u tagħti xhieda tiegħu bħala s-Salvatur. Marija hi omm is-silenzju; Marija hi l-omm tal-adorazzzjoni.

B’hekk, hi mhix biss omm għax ġarret lil Ġesù f’ġufha u wellditu, iżda għaliex tqiegħed lilu fid-dawl bla ma tieħu postu. Tibqa’ fis-skiet taħt is-salib ukoll, fl-aktar siegħa mudlama, u tkompli tħalli lilu jidher u tiġġenerah għalina. Reliġjuż u poeta tas-seklu dsatax kiteb: “Verġni katidral tas-silenzju/ ….. int twassal ġisimna fil-ġenna/ lil Alla fil-laħam” (D.M.Turoldo, Laudario alla Vergine. «Via pulchritudinis», Bologna 1980, 35).  Katidral tas-silenzju: tixbiha sabiħa.  Bis-silenzju u l-umiltà tagħha, Marija hi l-ewwel “katidral” ta’ Alla, il-post fejn Hu u l-bniedem jistgħu jiltaqgħu.

Iżda ommijietna wkoll, bl-attenzjoni moħbija tagħhom, bil-premura, spiss huma katidrali meraviljużi tas-silenzju. Iwellduna u mbagħad ikomplu jsegwuna, bosta drabi bla ma jidhru, sabiex aħna nikbru. Niftakruh dan: l-imħabba ma toħnoq qatt, l-imħabba tagħmel il-wisa’ għall-ieħor. L-imħabba sseddaq.

Ħuti, fil-bidu tas-sena l-ġdida nħarsu lejn Marija, u b’qalb mimlija gratitudni niftakru u nħarsu lejn l-ommijiet, biex nitgħallmu dik l-imħabba li tikber speċjalment fis-silenzju, li taf tħalli l-wisa’ għall-ieħor, tirrispetta d-dinjità tiegħu, ittiħ il-libertà li jesprimi ruħu, tiċħad kull għamla ta’ pussess, abbuż ta’ poter u vjolenza.  Hemm bżonn kbir ta’ dan illum, bżonn kbir! Bżonn kbir ta’ silenzju biex nisimgħu lil xulxin. Kif ifakkar il-messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi tal-lum: “Il-libertà u l-konvivenza paċifika huma mhedda meta l-bnedmin iċedu għat-tentazzjoni tal-egoiżmu, tal-interess personali, tal-kilba għall-profitt u l-għatx għall-poter”. Iżda l-imħabba hi magħmula mir-rispett, mill-ġentilezza: b’hekk iġġarraf il-ħitan u tkun għajnuna biex ir-relazzjonijiet ikunu fraterni, tibni soċjetajiet aktar ġusti, aktar umani, aktar paċifiċi.

Nitolbu llum lill-Qaddisa Marija Omm Alla u Ommna sabiex fis-sena l-ġdida nkunu nistgħu nikbru f’din l-imħabba mansweta, siekta u diskreta li tiġġenera l-ħajja, u biex fid-dinja niftħu mogħdijiet ta’ paċi u rikonċiljazzjoni.

Sors: laikos.org