Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Eżek 18:21-28
Salm: 
129 (130):1-2,3-4ab,4ċ-6,7-8

L-Evanġelju: Mt 5:20-26

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ngħidilkom li, jekk il-ħajja tajba tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet.

Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari: “La toqtolx”. Mela jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu l-kundanna. Imma jien ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh. Jekk imbagħad xi ħadd lil ħuh jgħidlu: “Ġifa”, ikun ħaqqu l-kundanna tas-Sinedriju; u jekk jgħidlu: “Iblah”, ikun ħaqqu n-nar tal-infern.

Mela jekk tkun qiegħed ittalla’ l-offerta tiegħek fuq l-altar u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-altar u mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, u mbagħad ejja talla’ l-offerta tiegħek. Lil min ikun se jtellgħek il-qorti ħudu bil-kelma t-tajba mill-aktar fis waqt li tkun għadek miegħu fit-triq, li ma jmurx jagħtik f’idejn l-imħallef, u l-imħallef f’idejn l-għassies, u hekk issib ruħek fil-ħabs. Tassew ngħidlek, minn hemm ġew ma toħroġx qabel ma tkun ħallast l-aħħar tliet ħabbiet!”