• San Mark 14: 12-16. 22-26

    Fl-ewwel jum ta’ l-Ażżmi, meta kienu jissagrifikaw il-ħaruf ta’ l-Għid, id-dixxipli tiegħu qalulu: “Fejn tridna mmorru nħejju biex tiekol l-ikla ta’ l-Għid?” Mbagħad hu bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Morru l-belt, u tiltaqgħu ma’ raġel iġorr ġarra ilma. Morru warajh, u għidu lil sid id-dar ta’ fejn tarawh dieħel, ‘Qallek l-Imgħallem: Fejn hi l-kamra tiegħi li fiha nista’ niekol l-ikla ta’  l-Għid mad-dixxipli tiegħi?’ U hu jurikom kamra kbira fuq, mgħammra u lesta. Ħejjulna hemmhekk.” U d-dixxipli marru u daħlu fil-belt, u sabu kollox kif kien qalilhom hu; u ħejjew l-ikla ta’ l-Għid. Huma u jieklu, ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newwilhulhom u qal: “Ħudu, dan hu ġismi.” Mbagħad ħa kalċi f’idejh, radd il-ħajr, u newwilhulhom, u lkoll xorbu minnu. U qalilhom: “Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna. Tassew ngħidilkom, li ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa dak in-nhar li nixrob inbid ġdid fis-Saltna ta’ Alla.” Mbagħad kantaw is-salmi u ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ.

    Festa tal-Knisja: Solennita’ tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej (Corpus Christi)