Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Rum 12:5-16a
Salm: 130 (131):1,2,3

L-Evanġelju: Lq 14:15-24

F’dak iż-żmien, wieħed minn dawk li kienu ma’ Ġesù għall-mejda, meta semgħuh jgħid dan, qallu: “Hieni min jiekol il-ħobż fis-Saltna ta’ Alla!”

Iżda hu wieġeb: “Wieħed raġel għamel pranzu kbir u stieden ħafna nies. Meta sar il-ħin għall-ikel, bagħat lill-qaddej tiegħu għand il-mistednin biex jgħidilhom: ‘Ejjew, għax ġa lest kollox.’ Imma lkoll xorta waħda bdew isibu xi skuża. L-ewwel wieħed qallu: ‘Xtrajt għalqa, u jeħtieġli mmur naraha; nitolbok tagħdirni.’ Ieħor qallu: ‘Xtrajt ħames żwieġ barrin, u sejjer nara x’jagħtu; nitolbok tagħdirni.’. Ieħor qallu: ‘Iżżewwiġt, għalhekk ma nistax niġi.’ Il-qaddej raġa’ lura għand sidu u qallu kollox.

Is-sinjur, b’korla fuqu, qal lill-qaddej tiegħu: ‘Ħaffef, oħroġ fil-pjazez u t-triqat tal-belt, u daħħal hawn il-foqra u l-magħtuba u l-għomja u z-zopop.’ Il-qaddej imbagħad qallu: ‘Sar kif ordnajt int, sinjur, u għad hemm il-wisa.’ Qal is-sid lill-qaddej: ‘Oħroġ fil-mogħdijiet u fl-għelieqi, u ġiegħel in-nies tidħol, ħalli dari timtela. Għax kif ngħidilkom jien, ebda wieħed minn dawk li kienu mistiedna ma jduq l-ikel tiegħi.'”