L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Kulma jgħidulkom huma, agħmluh u ħarsuh. Iżda tagħmlux kif jagħmlu huma” (Mt 23:3). Din il-kelma ta’ Ġesù li smajna fl-Evanġelju llum hi kelma ta’ għajnuna kbira għalina, għax issib nies li jkollhom din id-diffikultà, jgħidulek: “fil-Knisja hemm nies li huma ipokriti. Kultant tisma’ saċerdot qed jipprietka, imma ma tarahx jagħmel dak li jipprietka!” Hawn min li minħabba f’hekk, għax jidhirlu li s-saċerdot qed jgħid mod u jagħmel mod ieħor, jarmi kollox. Jgħid: “mela jien ma nagħtix każ!”. Għalih il-kelma tal-Evanġelju ma tfisser xejn, għax jidhirlu li ra l-kontra fl-għemil.

Ġesù fl-Evanġelju juri li jekk nirraġunaw hekk, qed nagħmlu żball. Għalhekk hu daqshekk ċar fi kliemu. Hawn qed jitkellem fuq il-kittieba u l-Fariżej, u aħna nafu kemm kliem iebes Ġesù qal fuq diversi kittieba u Fariżej, nafu kemm drabi qalilhom “uċuh b’oħra” u “ipokriti”. Imma, minkejja dan, hawn ma jgħidx: ladarba mhumiex qed jagħmlu dak li jippritkaw, qisu ma qalu xejn, tagħtux każhom, injorawhom. Imma jgħid: “Kulma jgħidulkom huma, agħmluh u ħarsuh. Iżda tagħmlux kif jagħmlu huma” (Mt 23:3). 

Id-distinzjoni li jagħmel Ġesù llum hi tant importanti għalina. Kienet hekk fi żmienu, u hekk hi fi żmienna. Qed jgħid Ġesù: jekk xi ħadd qed jgħid it-tajjeb, u l-għemil tiegħu hu l-kontra ta’ dak li qed jgħid, tagħmilx kif jagħmel hu, imma t-tajjeb li jgħid segwih. Tarmihx. Tiġġustifikax ruħek minħabba l-għemil tiegħu, biex int ukoll tagħmel dak li hu ħażin. Il-messaġġ li jagħtina Ġesù llum hu biex ikollna l-għaqal li fejn naraw dak li hu tajjeb, għandna nimxu miegħu. Fejn hemm eżempju ħażin, ma għandniex nagħmlu bħalu.

Għemil li jaqbel mal-kliem

Il-kliem ta’ Ġesù jkompli jagħtina dawl għal ħajjitna mhux biss meta nħarsu lejn l-oħrajn, imma wkoll meta nħarsu lejna nfusna, u jgħinna neżaminaw lilna nfusna. Jurina kemm hu importanti, aħna u nħarsu lejn nfusna, li dak li nagħmlu jkun jaqbel ma’ dak li nemmnu u ma’ dak li ngħidu. Anzi, l-aħjar ikun li l-ewwel nagħmluh, imbagħad ngħiduh. Għalhekk irridu naħdmu biex dak li jgħid Ġesù “kliem biss għandhom imma fatti xejn” (Mt 23:3) ma jkunx jgħodd għalina, imma nagħrfu kif l-għemil tagħna jagħti xhieda ta’ dak li ngħidu.

Għemil mhux għal wiċċ in-nies

Imbagħad Ġesù jgħid ħaġa oħra li minnha rridu noqogħdu attenti. Hawnhekk jitkellem fuq dawk li t-tajjeb jagħmluh, mhux ma jagħmluhx; imma jagħmluh għal wiċċ in-nies. F’dan ukoll irridu neżaminaw lilna nfusna. Għandna nagħmlu t-tajjeb għall-glorja ta’ Alla, għall-ġid tal-oħrajn, u biex nagħżlu s-sewwa – imma mhux għal wiċċ in-nies. Jekk nagħmlu xi ħaġa sempliċiment għal wiċċ in-nies, inkunu qed nibnu fuq ir-ramel. Forsi nimpressjonaw lil xi ħadd jew lil xi wħud, imma daqshekk.  Għalhekk il-kliem ta’ Ġesù hu kliem ta’ dawl għalina biex inkunu qed nibnu fuq is-sod.

Għemil magħmul b’qadi mimli mħabba

Ġesù jgħid ukoll xi ħaġa oħra tant importanti għal ħajjitna, meta jgħid: “Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom” (Mt 23:11). Nafu li anke bejn id-dixxipli tiegħu stess, Ġesù kellu min qed ifittex min hu l-akbar fosthom, ġieli daħlu f’konflitt bejniethom. Ġesù jurina li l-kobor tagħna hu f’li naqdu, u f’li nagħmlu dan b’imħabba. Kif għedna fis-Salm: “Mulej, ma tkabbritx qalbi, anqas ma ntrefgħu għajnejja” (Salm 131:1). 

Il-kobor mhuwiex għax nidhru kbar quddiem l-oħrajn, jew għax jagħtuna xi titlu, jew jgħodduna ’l fuq mill-oħrajn. Dak ma jiswa xejn. Il-kobor qiegħed fil-qadi. Kemm hu sabiħ meta fil-ħajja tagħna, dak li lilna jagħtina sodisfazzjon, dak li jimla l-qalb, ikun il-qadi tal-oħrajn magħmul b’imħabba! Ġesu jurina dan kontinwament tul il-ħajja tiegħu, u sal-aħħar. Dak hu li jrid minna wkoll bħala dixxipli tiegħu.

Nitolbu lill-Mulej biex din il-kelma tiegħu tinżel f’qalbna u ngħixuha, biex l-għemil tagħna jkun għemil tajjeb li jogħġbu, magħmul b’intenzjoni tajba u bl-ispirtu tiegħu, u b’hekk nagħtu xhieda ħajja tal-fidi tagħna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju