Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Ħos 10, 1-3.7-8.12
Salm: 104 (105), 2-3.4-5.6-7

L-Evanġelju: Mt 10, 1-7

F’dak iż-żmien, Ġesù sejjaħ lejh it-tnax-il dixxiplu tiegħu, u tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena biex ikeċċuhom, u jfejqu kull xorta ta’ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu.

L-ismijiet tat-tnax-l appostlu huma dawn: l-ewwel Xmun, jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, u Ġakbu ta’ Żebedew, u ħuh Ġwanni, Filippu u Bartilmew, Tumas u Mattew il-pubblikan, Ġakbu ta’ Alfew, u Taddew, Xmun il-Kanani, u Ġuda l-Iskarjota, li mbagħad ittradieh.

Lil dawn it-tnax Ġesù bagħathom b’dawn l-ordnijiet: “Taqbdux triq il-pagani, u tidħlux f’belt tas-Samaritani; imma qabel xejn morru fittxu n-nagħaġ il-mitlufa tad-dar ta’ Iżrael. Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet”.