L-ewwel ġurnata ta’ sena ġdida.
L-ewwel ġurnata tal-iskola.
L-ewwel ġurnata tas-sajf.
L-ewwel ġurnata tal-vaganzi tal-Milied.
L-ewwel Ħadd tal-Avvent.

L-ewwel ġurnata ta’ kull perjodu titqies bħala opportunità biex nagħmlu xi ħaġa ġdida; nibdew drawwa ġdida, intejbu fejn mhux tajjeb; u nagħmlu għanijiet ġodda u nżommu magħhom. Inħarsu lejn dawn il-ġranet ‘ġodda b’ċerta ħerqa għalkemm mhux għal kulħadd bl-istess mod. Hemm min iħares lejn dan iż-żmien b’mod pożittiv u jużah biex jagħti dik l-imbuttatura ħalli jsir sforz ġdid. Għandek oħrajn iħarsu lejh b’lenti negattiva għax isiru iktar konxji li ma jżommux mad-deċiżjonijiet ġodda li jkunu ħadu għax jaqtgħu qalbhom malajr jew jipprokrastinaw. Għal oħrajn dan iż-żmien ma jfisser assolutament xejn.

L-Ewwel Ħadd tal-Avvent mhuwiex biss l-ewwel ġurnata tal-istaġun, iżda wkoll l-ewwel ġurnata ta’ preparazzjoni fuq bosta livelli, fosthom u l-iktar wieħed prattiku, l-ippjanar tal-attivitajiet tal-Milied, ħarġiet mal-familja, ix-xiri tar-rigali u ħafna iktar. Faċli ninqabdu fil-listi tal-affarijiet li għandna bżonn nagħmlu u ninsew naħsbu fuq l-istat ta’ qalbna. Hekk kif inkunu għaddejjin bla waqfien, għandna tendenza nwarrbu qalbna u nibqgħu għaddejjin ġurnata wara l-oħra, bla ma nagħtu kas tal-benessri intern tagħna.

Matul ħajjitna naħżnu weġgħat f’qalbna. Jekk ma niħdux ħsiebhom, dawn jistgħu jieħdu post il-paċi u l-ferħ li jtina Ġesù fi żmien l-Avvent, li jwassal għar-rigal tiegħu stess fil-Milied. Jekk qalbna mimlija b’weġgħat mibnijin matul is-snin mingħajr ma jinħafru, ma jifdalx post għal Ġesù biex ikabbar fina qalb ġentili mimlija ferħ. Għalhekk nistgħu nużaw dan iż-żmien biex nitolbu lil Alla jurina fejn tista’ ssir il-maħfra għar-riżentimenti u l-weġgħat tagħna ħalli nagħmlu spazju għall-imħabba li jista’ jġibilna dan l-istaġun, u jibdilna b’tali mod li nkunu nistgħu ngħixuh sew mal-oħrajn. Mod kif nistgħu nagħmlu dan hu billi nqerru, u ninħelsu mill-piż tal-weġgħat li jista’ jkollna lejnna stess u lejn nies oħra.

Nistgħu nużaw żmien l-Avvent biex b’mod attiv innaddfu s-swidija ta’ qalbna ħalli nkunu nistgħu nirċievu l-ferħ u l-ħerqa ta’ żmien il-Milied, u ngħixuh b’għan u tama.

Missier Qaddis, f’dan iż-żmien ta’ preparazzjoni, nixtieq infittex iktar ħin miegħek b’mod attiv. Agħtini l-kuraġġ nirċievi l-maħfra tiegħek sabiex qalbi tinfetaħ għall-grazzja tiegħek u l-ferħ li dan iż-żmien iġib miegħu.
Ammen.


“Għalhekk kunu mħażżmin fir-ruħ u rżina f’kollox; ittamaw għalkollox fil-grazzja li għad tingħatalkom meta jidher Ġesù Kristu.” (1 Pt 1:13)