-
Mil‑lum, il‑Ġimgħa 5 ta’ Mejju, sal‑Ħadd 7 ta’ Mejju 2017, il‑Malta Catholic Youth Network (MCYN) qed torganizza konferenza għall‑youth leaders bl‑isem ta’ ‘Plexus’, fil-kunvent tal‑iskola ta’ Sant’Agata, ir‑Rabat.
Il‑Malta Catholic Youth Network (MCYN) hi kummissjoni ġdida fi ħdan il‑Knisja f’Malta li tagħti leħen liż‑żgħażagħ, u li tieħu ħsieb tikkordina u tħeġġeġ il‑ħidma pastorali fost iż‑żgħażagħ. L‑MCYN hija mmexxija mid‑delegat tal‑Arċisqof għaż‑żgħażagħ, Benjamin Flores Martin.
L‑isem tal‑konferenza, ‘Plexus’, hu terminu li jfisser network ta’ nervituri fil‑ġisem tal‑bniedem. Propju għalhekk, l‑għan ta’ din il‑konferenza hu li l‑gruppi ta’ żgħażagħ Kattoliċi jagħrfu s‑sbuħija tal‑għaqda fid‑diversità, u li fiċ‑ċentru tal‑vokazzjoni tagħhom hemm Ġesù.
Waqt il‑konferenza ta’ tliet ijiem għadd ta’ kelliema ser jitkellmu dwar ir‑realtajiet taż‑żgħażagħ u l‑ħidma ta’ evanġelizzazzjoni. Il‑kelliem ewlieni hu Fr Dermott Donelly, saċerdot Ingliż li jaħdem maż-żgħażagħ, li ser jitkellem dwar il‑vokazzjoni tal‑youth leaders. Minbarra l‑opportunità li jipparteċipaw f’numru ta’ workshops dwar temi speċifiċi li jolqtu liż‑żgħażagħ, il‑parteċipanti ser jaqsmu l‑esperjenzi u l‑ideat tagħhom waqt ħin ta’ diskussjoni.
Il‑Ħadd 7 ta’ Mejju, l‑Arċisqof Charles J. Scicluna ser jagħlaq il‑konferenza bi djalogu maż‑żgħażagħ u b’ċelebrazzjoni tal-Quddiesa.
Aktar informazzjoni tinkiseb mill‑websajt www.mcyn.org jew mill‑paġna ta’ Facebook facebook.com/maltacatholicyouthnetwork.