“L-ewwel laqgħa mil-laqgħat ippjanati ma’ rappreżentanti tas-Soċjeta San Piju X se ssir nhar it-Tnejn 26 t’Ottubru”. Dan kien ikkonfermat fi stqarrija maħruġa mid-Direttur għall-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, Patri Federico Lombardi.
Skont il-Kummissjoni Pontifiċja ‘Ecclesia Dei’, għal-laqgħa se jattendu Mons Guido Pozzi, Segretarju, l-Arċisqof Luis Ladaria Ferrer, ġiżwita, Segretarju għall-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi, u esperti bħal Fr Charles Moreod, Segretarju għall-Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali; Mons Fernando Ocariz, Vigarju Ġenerali tal-Opus Dei; Fr Karl Josef Becker, ġiżwita, ukoll konsulent għall-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi.
Il-laqgħa se ssir f’dak magħruf bħala Palazzo del Sant’Uffizio.
“Il-kontenut tad-diskussjonijiet , li se jiffukaw fuq il-kwistjonijiet dottrinali mhux riżolti, mhux se jingħata fil-pubbliku. Fi tmiem il-laqgħa għandu joħroġ komunikat għall-istampa”, temm jgħid Patri Federico Lombardi.