-
-
Il-messaġġ tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi -
Il-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina
4 ta’ Awwissu 2018F’din il‑Quddiesa għedna grazzi mill‑qalb lil Alla. Lilu tifħir u glorja.
Nixtieq nirringrazzja wkoll lilek, għażiż Arċisqof ta’ Malta, ta’ din l‑Ordinazzjoni u tal‑ministeru tiegħek ta’ ragħaj b’tant għerf u qalb kbira. Jien awżiljarju tiegħek, nitlob li dejjem issib fija għajnuna kbira.
Nirringrazzja lilkom, għeżież Arċisqof Emeritu Pawl Cremona O.P. u Isqof Mario Grech, l‑Isqfijiet koordinanti, u lill‑Isqof Pawlu Darmanin O.F.M. Cap., li fikom dejjem rajt xhieda sabiħa li għamlitli l‑ġid. Irrid insemmi wkoll lill‑Arċisqof Ġużeppi Mercieca li għadda għall‑ħajja ta’ dejjem li lejh jien grat u niftakru b’tant għożża.
Ringrazio lei, caro Arcivescovo Alessandro d’Errico, Nunzio Apostolico a Malta, per la Sua partecipazione oggi e per il suo ministero qui a Malta. Tramite Lei, un ringraziamento speciale a Papa Francesco, nostro amatissimo Santo Padre.
Grazzi lill‑awtoritajiet ċivili, napprezza l‑preżenza tagħkom.
Grazzi ħafna lill‑familja sabiħa tiegħi li tant hi għażiża għalija flimkien mal‑qraba kollha. Niftakar illum b’mod speċjali f’ommi u missieri li tawni tant għożża u mħabba, u nemmen li llum ukoll, li qegħdin fil‑ħajja ta’ dejjem, huma ta’ għajnuna kbira u ta’ sostenn għalija.
Grazzi lis‑saċerdoti kollha li qegħdin hawn u oħrajn li ma setgħux jiġu. Irċevejt għajnuna kbira minn ħafna saċerdoti; xtaqt illum insemmi wieħed biss li ftit tal‑ġimgħat ilu l‑Mulej sejjaħlu għal għandu—Fr Arthur Vella SJ—li lejh jien tant grat għas-snin twal li għamel direttur spiritwali tiegħi.
Grazzi lilkom ilkoll, ħbieb tiegħi, kull wieħed u waħda minnkom; ngħid grazzi speċjali lill‑komunitajiet parrokkjali ta’ Birkirkara (San Ġużepp Ħaddiem) u ta’ Ħal Balzan.
Grazzi kbira lil dawk li ħadmu bis‑sħiħ għal din iċ‑ċelebrazzjoni. Napprezza ħafna l‑għajnuna tagħkom.
Il‑messaġġ qasir ħafna hu miġbur fil‑motto li għażilt: Ngħożżu l‑ħajja bl‑imħabba. Il‑ħajja umana hi għażiża għax hija don ta’ Alla mogħtija lilna biex inħarsuha u nipproteġuha. Għalhekk ngħożżuha mill‑ewwel mument tat‑tnissil tagħha meta hi diġà ħajja umana, sat‑tmiem naturali tagħha. Imma ngħożżuha wkoll f’kull waqt u ngħożżu l‑ħajja ta’ kulħadd, anke ta’ min qiegħed f’nofs ta’ baħar jissielet biex jista’ jgħix, u ta’ min qiegħed għaddej minn tbatija waħdu jew qata’ qalbu mill‑ħajja.
U ngħożżu l‑ħajja billi nsostnuha bl‑imħabba fil‑ħajja ordinarja ta’ kuljum, fi kliemna, fl‑attenzjoni lejn xulxin, fil‑qadi tagħna kif uriena Kristu llum fl‑Evanġelju. Hi din il‑qalb miftuħa għal kulħadd u mimlija mħabba li tgħinna ngħidu kelma ta’ ġid u jkollna attitudni ta’ inkoraġġiment, ta’ kompassjoni, ta’ maħfra, u fl‑istess waqt naħdmu kontra dak kollu li joħloq il‑firda u jġib il‑mibegħda jew iweġġa’. Nixtieq li jkun dan l‑ispirtu ta’ mħabba li jmexxini dejjem fil‑missjoni tiegħi bħala isqof, u jgħinni biex inkun qaddej b’ħafna ferħ u serenità sal‑aħħar.
It‑talba tiegħi hi din: Mulej, agħmel li magħqud miegħek, kollox nagħmel għall‑glorja tiegħek, bl‑ispirtu tiegħek, u għall‑ġid tal‑oħrajn kif għallimtna int.
U kif jgħid Papa Franġisku, tinsewx titolbu għalija.
✠ Joseph Galea‑Curmi
Isqof Awżiljarju ta’ Malta