Il-Papa Benedittu Sittax iddikjara bħala l-ewwel qaddisa Awstraljana lis-soru mwielda f’Melbourne, Sister Mary MacKillop. Eluf ta’ pellegrini Awstraljani kienu preżenti għaċ-ċerimonja fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan.
Hija twieldet fis-sena 1842 u mietet fis-sena 1909. Fl-1867 MacKillop saret l-ewwel soru u ftit wara Madre Superjura tal-Ordni l-ġdida tas-Sorijiet ta’ San Ġużepp. Din kienet l-ewwel ordni reliġjuża mwaqqfa minn Awstraljana biex jedukaw it-tfal fqar.
L-Assoċjazzjoni Ħbieb tal-Awstralja flimkien mal-Kummissjoni Għolja Awstraljana u Dar l-Emigrant iċċelebraw il-kanonizzazzjoni ta’ Mary Mackillop b’quddiesa kkonċelebrata mmexxija minn Monsinjur Philip Calleja fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann. Fost dawk preżenti kien hemm il-Kummissarju tal-Awstralja Anne Quinane.
Flimkien mas-soru Awstraljana ġew kanoniżżati ħames qaddisin oħra – tnejn minnhom it-Taljani Giulia Salzano u Battista Camilla, Stanislaw Kazimierczyk Soltys mill-Polonja, Candida Maria De Jesùs Cipitria Y Barriola minn Spanja u André Bessette mill-Kanada.