Għeżież ħutna,
Wasalna għaż-żmien tar-Randan. Iż-żmien tar-Randan irid iwassalna għall-ġrajjiet kbar tat-tbatija, mewt u Qawmien ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. Dawn il-ġrajjiet huma tant importanti fil-ħajja tagħna li hemm bżonn nirriflettu fuqhom u nħejju għalihom tul dawn l-erbgħin jum li ġejjin. Dawn l-erbgħin jum iridu jdaħħluna fl-atmosfera ta’ dawn il-ġrajjiet billi nitolbu, iżda woll billi nirriflettu xi jfissru għalina.
L-Eżilju tal-Poplu Lhudi
.
Din is-sena aħna xtaqna li nirriflettu fuqhom fid-dawl ta’ kelma griega ‘Diaspora’. Ma nixtiqux li intkom tibżgħu minn dan il-kliem, u għalhekk nixtiequ li nfissrulkom din il-kelma.
Din il-kelma tfisser ‘Eżilju’ . Hija tindika ż-żmien meta l-Poplu Lhudi kien qiegħed jgħix fl-Eżilju, il-boghod minn art twelidu. Dan ġara f’żewġ mumenti tal-Istorja tal-Poplu Lhudi.
L-ewwel wieħed kien meta kienu l-Eġittu. Din l-istorja bdiet meta Ġakobb u t-tfal tiegħu niżlu l-Eġittu minħabba li kien hemm ħafna ġuħ u tispiċċa madwar is-sena 1280 qabel Kristu meta permezz ta Mose’ Alla ħariġhom mill-Eġittu. Il-Lhud reġgħu rritornaw lejn l-Art Imqaddsa. Dan nstgħu naqrawh fil-kotba tal-Esodu u tad-Dewteronomju.
It-tieni Eżilju kien meta l-poplu kollu ġie meħud ġewwa l-Babilonja fis-seklu VI qabel Kristu. Huma damu hemmhekk 50 sena u rritornaw fis-sena 537 qabel Kristu taħt il-Persjani.
Dawn iż-żewġ rakkonti huma mumenti ta’ tbatija kbira, iżda wkoll ta’ ferħ kbir. Fiż-żewġ każi kien hemm xi affarijiet li żammew ħajja fil-Poplu ix-xewqa li jirritornaw lejn l-art tagħhom.
L-ewwel, bhala poplu kienu jiltaqgħu flimkien u jibku dan l-eżilju. Dan nistgħu narawh fis-salm 137: “F’xatt ix-xmajjar ta’ Babel, hemm qgħadna bilqiegħda u bkejna, aħna u niftakru f’Sijon…Kif nistgħu ngħannu l-għanja tal-Mulej f’art barranija? Tibbiesli idi l-leminija jekk qatt ninsa lilek, Ġerusalemm!” (vv. 1.4.5). Dan kien marbut ma’ xewqa kbira li xi darba jerġgħu lura lejn l-art Imwegħda.
It-tieni fatt huwa li Alla dejjem wasslilhom il-Kelma tiegħu biex tmexxihom. Mingħajrha ma kienx ikollhom direzzjoni. Fil-hrug mill-Eġittu, Alla tahom il-kmandamenti wara li għażlu lilu biex imexxihom. Wieħed jipprova jimmaġina x’poplu kien ikun kieku żammew dawn il-kmandamenti!
Fil-ħruġ milll-Eżilju ta’ Babilonja, huma skoprew il-Kelma ta’ Alla mill-ġdid u ferħu għaliex kellhom lilha li tmexxihom: “Mbagħad Esdra fetaħ il-Ktieb.. u kulħadd qam bilwieqfa… (u wieġbu) ‘Ammen, Ammen’.. U nxteħtu għarrkubbtejhom b’wiċċhom mal-aart jagħtu qima lill-Mulej… Għax il-Poplu kollu kien infexx jibki meta sama’ kliem il-Liġi” (ara: Neħ 8, 5-9). Issa l-Poplu ħassu protett għaliex waqgħet fuqu il-Barka tal-Kelma tal-Mulej.
L-Eżilju ta’ Ġesu’
.
Ġesu’ meta kien fostna, għex ukoll ġo fih innifsu din l-esperjenza tal-Eżilju.
Din l-istorja tiġi spjegata fl-Ewwel Kapitlu tal-Evanġelju ta’ San Ġwann. “Fil-bidu kien il-Verb, u l-verb kien ma’ Alla, u l-Verb kien Alla… Kien fid-dinja, u d-dinja saret bih, imma d-dinja ma għarfitux. Ġie f’daru u niesu ma laqgħux” (1,10.11). Anki Ġesu’ biex isalvana kellu jgħaddi minn dan l-Eżilju, bogħod umanament mill-Missier, u miċħud mill-Poplu li ġie biex isalva.
Ġesu’ ħass dan kollu fuq is-Salib: hu kien bogħod umanament minn Alla l-Missier: ‘Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?’, (Mt 27,46). F’dak il-mument ukoll ħass ukoll l-eżilju mill-poplu tiegħu li kien qiegħed isallbu. F’din id-dieqa kollha nistgħu nifhmu aħjar dawk il-mumenti ta’ meta Ġesu’ mar ifittex li jkun qrib ta’ Alla l-Missier fil-mumenti tat-talb. Anki fil-mument tal-mewt ta’ Ġesu’ nistgħu naraw it-talba tiegħu ta’ ritorn għand il-Missier wara li temm il-missjoni tiegħu: “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi” (Lq 23,46).
Nistghu nifhmu ukoll għaliex Ġesu’ qabel ma beda l-missjoni tiegħu jxandar il-Bxara t-Tajba, kien għażel l-Appostli u nies oħrjan biex jgħixu f’komunjoni miegħu. Kien isib il-ferħ tiegħu meta kien ikun imdawwar mill-appostli li kien għażel, ikellimhom fuq Alla l-Missier, u fuq it-triq li tridna twassalna għandu. Huwa ċar li Ġesu’ ried li aħna ngħixu f’komunita’ għaliex ma nafux li hu ppriedka waħdu, iżda dejjem kien imdawwar mill-appostli maħbubin tiegħu. Huwa kien għażel id-dixxipi tiegħu qabel ma beda l-missjoni tiegħu, u l-missjoni tiegħu saret fil-kuntest ma’ dan iċ-ċirku żgħar, fejn seta’ jħossu f’ambjent li seta’ jaqsam magħhom dak li kien imnebbah biex jgħidilhom.
L-Eżilju tagħna
.
Aħna wkoll, irridu ngħixu il-fidi tagħna f’din ir-realta’ tal-Eżilju. Qegħdin ngħidu dan għaliex jekk ma nindunawx li qegħdin fl-Eżilju mhux se jseħħ dak li aħna semmejnielkom fil-Pastorali tal-Avvent fuq il-bidla. Iż-żmien tar-Randan huwa l-iktar żmien tajjeb biex nagħmlu din il-kunsiderazzjoni.
Ġesu’ kien tkellem fuq id-damiġġani ġodda biex jintefa’ fihom imbid ġdid (Mt 9,17). Aħna nkunu d-damiġġani ġodda meta nilqgħu din r-realta’ ġdida li permezz tagħha ngħixu fl-istennija tal-ħruġ tagħna mill-Eżilju ta’ din id-dinja. Imbagħad inkunu nistgħu nilqgħu t-tagħlim ġdid ta’ Ġesu’, mingħajr tfixkil.
Skont San Pawl, aħna “ċittadini flimkien mal-qaddisin u n-nies tad-dar ta’ Alla” (Efes 2,19). Il-Mulej ħalaqna għall-eternita’, u x-xewqa tan-nisrani trid tkun li xi darba huwa jilħaq dan l-għan li jgawdi lill-Mulej għall-eternita’. Sfortunatament m’għadniex nitkellmu biżżejjed fuq dan il-fatt, iżda huwa fundamentali għall-mixja spiritwali tagħna. Jekk nagħarfu li għadna fl-eżilju, allura ma nintrabtux wisq mal-ħwejjeġ ta’ din l-art, u nibdew naħsbu għall-ħwejjeġ li jwassluna għall-ħajja ta’ dejjem.
L-Eżilju tagħna fil-kultura u r-Randan
L-eżilju tagħna huwa dak kollu li jbegħdna minn Alla. Kulħadd għandu tiegħu, imma nistgħu insemmu ftit eżempji. Meta taħseb li dak li tiddeċiedi inti huwa tajjeb jew ħażin bla ma tagħmel l-ebda rabta mal-Kelma ta’ Alla. Meta taħseb li f’ħajtek m’għandekx bżonn lil Mulej Ġesu u lill-Knisja li ħallilna Hu, ħlief meta tiltaqa’ ma’ xi emerġenza (mard, funeral, problema). Meta tintilef fil-ġirja għall-affarijiet materjali bla ma tagħti każ l-etika u l-ġustizzja. B’mod ġenerali nistgħu ngħidu li nkunu fl-eżilju spiritwali meta f’ħajjietna npoġġu fil-ġenb il-kmandamenti ta’ Alla.
Il-Kelma ta’ Alla wrietna li fl-eżilju, il-poplu l-maghzul intebaħ li flok akkwista ħafna liberta’ minn Alla, sar ilsier tiegħu innifsu u ta’ oħrajn. Bosta bnedmin, anke fi żmienna għandhom din l-esperjenza. Jaħsbu li jekk jitilqu lil Alla jsiru aktar liberi u jagħmlu li jridu. Fil-fatt isibu li dan mhux veru. U ħafna drabi f’din is-sitwazzjoni ta’ miżerja, ħafna jintebħu kemm għandhom bżonn ta’ Alla u jerġgħu jduru lejH.
Ir-Randan huwa ż-żmien meta aħna iktar nasħbu biex nagħżlu li nħarsu ‘l quddiem lejn is-Saltna mwegħda minn Ġesu’ lilna lkoll. Il-ħsieb fuq il-Misteru tal-Għid – il-Mewt u l-Qawmien ta’ Ġesu’ – fir-Randan għandu jkun dejjem quddiem għajnejna.
Ir-Randan jibda jkollu iktar sens bħala għażla tat-triq li teħodna barra milll-Eżilju.Il-hin tat-talb iktar mis-soltu; ir-rażan mill-affarijiet purament materjali, is-sawm minn dak kollu li jxaqlibna lejn il-materjaliżmu; il-Qari tal-Kelma ta’ Alla li fiha t-triq għall-art imwegħda; is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoi (il-Qrar) li jgħinna nifhmnu iktar it-tajjeb u l-ħażin fil-ħajja tagħna; li wieħed jersaq iktar lejn l-Ewkaristija. Dawn huma kollha sinjali ta’ bniedem li mhux biss għażel li joħrog mill-Eżilju, iżda li beda jimxi t-triq li tgħinu jidħol fil-fond fil-ħajja u fil-kultura nisranija.
Din hija x-xewqa tagħna għalikom ilkoll.
Nibagħtu fuqkom il-Barka Appostolika tagħna.
+ PAWLU CREMONA O.P.
Arċisqof ta’ Malta
+ MARIO GRECH
Isqof ta’ Għawdex