L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Ġej warajja min hu aqwa minni” (Ġw 1:7). Dan hu li jgħid illum, fl-Evanġelju skont San Mark, San Ġwann Battista meta qed iħabbar li ġej Ġesù. U dejjem fuq hekk jinsisti San Ġwann Battista: li hu qiegħed hemm biex jipprepara lin-nies għal Ġesù. Għalhekk, meta Ġesù ġie biex jitgħammed, kienet stramba għal ħafna min-nies, ibda minn Ġwanni l-Battista stess li, f’siltiet fl-Evanġelji oħra – għax il-Magħmudija tal-Mulej hi rrakkuntata fl-Evanġelju ta’ San Mark, San Mattew, San Luqa – f’dawn is-siltiet hemm ir-reazzjoni ta’ Ġwanni l-Battista li jgħidlu: int gejt biex titgħammed? Se ngħammdek jien? Bilfors dir-reazzjoni, għax hu kien jaf li Ġesù kien aqwa minnu.

Tajjeb, għalhekk, nistaqsu: għaliex Ġesù mar biex jitgħammed minn Ġwanni l-Battista? Dak iż-żmien il-magħmudija ta’ Ġwanni l-Battista kienet tfisser il-ħajja ġdida li jixtieq min jiġi biex jitgħammed. Min jiġi għall-magħmudija jistqarr li hu midneb u qed jitlob mill-Mulej dil-ħajja ġdida. Kif nafu, l-ilma jsaffi u jnaddaf, u l-ilma jagħti l-ħajja. 

Imma Ġesù ma kellux dnub. Għaliex mar biex jitgħammed? Ma marx biex hu jitlob maħfra tad-dnub, jew biex jissaffa hu mid-dnub; imma mar biex iqaddes l-ilma li, imbagħad, kellu jkun l-ilma tal-magħmudija fl-Ispirtu s-Santu, kif jgħid Ġwanni l-Battista. Għalhekk il-Magħmudija tal-Mulej hi festa kbira, għax għandna l-missjoni speċjali ta’ Ġesù. Għandna d-dehra tat-Trinità Qaddisa – il-leħen tal-Missier, l-Ispirtu bħal ħamiema nieżel fuqu, u Ġesù li qed jitgħammed. Hemmhekk hemm il-missjoni ta’ Ġesù li ġie biex isalva l-poplu minn dnubietu, isalva lilna lkoll mid-dnubiet tagħna. Għalhekk tgħammed mhux għax hu kellu bżonn il-maħfra tad-dnubiet, imma biex jieħu fuqu d-dnubiet tagħna ħalli lilna jista’ jsalvana. Hemm dehret proprju din il-missjoni speċjali ta’ Ġesù fil-magħmudija tal-Mulej meta jieħu fuqu d-dnubiet tagħna biex lilna jsalvana, u lilna jagħtina l-ħajja.

Nixtieq li naħsbu ftit ukoll fuq dik is-sentenza sabiħa tal-leħen tal-Missier, meta jgħid fuq Ġesù: “Int ibni l-għażiż, fik sibt il-għaxqa tiegħi” (Mk 1:11). Hi sabiħa għax tfakkarna li Ġesù kien tassew bin Alla, l-għażiż u l-għaxqa ta’Alla. Tfakkarna kemm hu importanti li aħna, li bil-magħmudija tagħna sseħbina ma’ Ġesù f’din il-ħajja ġdida tiegħu, aħna wkoll inħarsu lejn Ġesù bħala dak li hu għalina għażiż, u fih insibu l-għaxqa tagħna. Din hi l-ħajja li għandna ngħixu bħala nies mgħammdin: li f’ Ġesù nsibu l-għaxqa tagħna, li hu jkun l-iktar għażiż għalina, hu li hu Alla fostna. 

Imma wkoll tfakkarna li meta aħna bil-magħmudija sseħibna ma’ Ġesù, fuqna wkoll, fuq kull wieħed u waħda minna, il-Mulej jixtieq jgħid: inti ibni l-għażiż, int binti l-għażiża, fik insib il-għaxqa tiegħi. Dan hu li jrid jgħid il-Mulej fuqna. Għalhekk hu importanti li aħna nagħmlu ħilitna biex ngħixu tassew bħala ulied għeżież tiegħu. Għax aħna permezz tal-magħmudija, meta sseħibna ma’ Ġesù, sirna wlied Alla u ulied għeżież għalih. Il-Mulej jixtieq jgħidha fuqna dejjem din: li aħna għeżież għalih u fina jsib l-għaxqa tiegħu. Kemm hi importanti li aħna nagħmlu ħilitna biex ngħixu tassew bħala wlied għeżież li fina l-Mulej isib l-għaxqa tiegħu! Dan ifakkarna dak li sar fil-magħmudija tagħna, meta kien hemm iċ-ċaħda ta’ dak li hu ħażin, u l-għażla ta’ dak li hu tajjeb. Dejjem hija din, fil-ħajja tagħna, li għandna nagħmlu. 

Meta konna żgħar, ħafna minna konna għadna trabi meta ħaduna biex nitgħammdu. Ma kinetx l-għażla tagħna, imma kienet l-għażla tal-ġenituri tagħna għax riedu jagħtuna mill-bidu l-isbaħ u l-aħjar. Imma mbagħad aħna kkonfermajnieha ’l quddiem din l-għażla li saret fil-magħmudija – l-għażla li aħna ngħixu bħala wlied għeżież, li nagħżlu dak li hu tajjeb u nwarrbu dak li hu ħażin.

Nitolbu llum, aħna u niċċelebraw il-Festa tal-Magħmudija tal-Mulej, l-ewwel nett li Ġesù jkun dejjem għażiż għalina, fih insibu l-għaxqa ta’ ħajjitna, u jkun hu li jmexxina, aħna li mseħbin miegħu bil-magħmudija tagħna. Imma mbagħad nitolbuh li aħna wkoll ngħixu kif jixtieq minna l-Mulej: ngħixu bħala wlied għeżież għalih u, bl-għażliet tal-ħajja tagħna, il-Mulej fina jsib il-għaxqa tiegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju