Fit-22 ta’ Ġunju ngħata l-mandat lill-Ministri Straordinarji tat-Tqarbin lil 45 edukatur minn 17-il skola tal-Knisja. Il-mandat ingħata wara li l-edukaturi tħarrġu permezz ta’ kors mill-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.

L-għoti tal-Mandat sar fil-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu, il-Belt Valletta, u kien ippresedut  mid-Delagat tal-Arċisqof għall-Iskejjel tal-Knisja Patri Charles Mallia, O.Carm. Waqt iċ-ċerimonja fakkar fil-ħtieġa tal-Ewkaristija fil-ħajja tagħna, li hi l-pern tal-fidi tagħna u s-sostenn tal-Poplu t’Alla. Fakkar ukoll fl-imħabba kbira li kellu għall-Ewkaristija l-Beatu Carlo Acutis, żgħażugħ Taljan li  għadda l-ħajja qasira tiegħu jxerred il-qima u d-devozzjoni lejn l-Ewkaristija. 

Dwar l-għoti tal-Mandat, Sr Alexandra Chircop, Maniġer għas-Servizz tal-Kura Pastorali fis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija, qalet: “Kienet okkażjoni memorabbli għas-settur edukattiv tagħna. Minn qalbi nawgura lil dawn il-Ministri Straordinarji tat-Tqarbin ġodda, li jkomplu  jsaħħu fihom id-devozzjoni lejn l-Ewkaristija u li  jwettqu dan is-servizz qaddis bl-akbar rispett u ħeġġa kif jixraqlu.”