• Il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, wara li rat żieda fl‑appoġġ lejn movimenti tal‑lemin estrem, li wħud minnhom jibbażaw l‑argumenti tagħhom fuq il‑ħtieġa li tiġi protetta ‘l‑identità Kattolika tagħna’ kif ukoll stqarrijiet riċenti mill‑Gwardjan għall‑Ġenerazzjonijiet Futuri, li ġġustifikaw is‑sejħa tiegħu li jiġu esklużi b’mod partikulari immigranti u Musulmani meta wera x‑xewqa tiegħu li jgħix u jmut f’pajjiż Kattoliku,[1] tħoss il‑bżonn li titkellem dwar id‑dmir tagħna bħala Kattoliċi li nirreżistu politika ta’ mibegħda u esklużjoni.

    Madwar id‑dinja qegħdin jinbtu bosta forom ta’ politika ta’ esklużjoni. Kemm jekk qegħdin jinbtu tort ta’ biżgħat u tħassib dwar il‑bidliet kulturali u demografiċi mgħaġġla, kif ukoll jekk qed ikun hemm retorika Iżlamofobika, it‑tendenza ta’ nazzjonaliżmu konfrontazzjonali li jirrappreżenta lill‑barrani bħala theddida soċjali, ekonomika u reliġjuża hi komuni f’kull pajjiż li qed jintlaqat minn din il‑politika ta’ esklużjoni. Sfortunatament, Malta ntlaqtet ukoll minn dawn l‑influwenzi perikolużi li qegħdin jifirdu soċjetajiet sħaħ.

    Din in‑narrattiva, li dejjem qed issir iktar b’saħħitha, m’għandha l‑ebda bażi filosofika u teoloġika fit‑tradizzjoni Nisranija. Anzi għall‑kuntrarju, it‑tradizzjoni Nisranija għandha narrattiva bbażata fuq is‑solidarjetà u l‑ospitalità kif ukoll fuq l‑umanità u d‑dinjità tagħna.

    Aktar minn hekk, il‑prinċipju tal‑ġid komuni, kif maħsub fit‑tagħlim soċjali tal‑Knisja Kattolika, jisfida fundamentalment kultura li tipprijoritizza l‑interess personali fuq is‑solidarjetà mal‑batut u l‑imwarrab, jew li jħares biss l‑interessi tal‑pajjiż fuq l‑interess dinji. Waqt li faċli taqa’ għat‑tentazzjoni li temmen li ‘ħitan sodi jagħmlu ġirien tajba,’ l‑istorja tgħallimna li “dawk li jibnu l‑ħitan jispiċċaw il‑priġunieri tal‑ħitan li jkunu bnew huma stess”.[2]

    F’dawn l‑aħħar snin, il‑Papa Franġisku kien xhieda kontinwa ta’ xi tfisser li tkun Kattoliku u li tħaddan bil‑kliem u bl‑azzjoni, kultura ta’ laqgħat u solidarjetà li jmorru kontra l‑kultura ta’ biża’ u esklużjoni. Miż‑żjara tiegħu f’Lampedusa, għall‑vjaġġ lura lejn il‑Vatikan ma’ grupp ta’ persuni li qed ifittxu l‑ażil minn Lesbos, għall‑ħasil tas‑saqajn ta’ grupp ta’ rġiel u nisa Musulmani, il‑Papa dejjem mexxa bl‑eżempju.

    Fil‑fatt skont kif tniżżel fid‑dokument dwar Il‑Fraternità Umana għall‑Paċi fid‑Dinja u l‑Konvivenza Komuni, ippreżentat mill‑Papa u l‑Imam il‑Kbir ta’ Al‑Azhar fi Frar li għadda f’Abu Dhabi: “Min jemmen jara lill‑ieħor bħala ħuh li għandu jwieżen u jħobb. Bil‑fidi f’Alla, li ħalaq l‑univers, il‑kreaturi u l‑bnedmin kollha – ilkoll indaqs minħabba l‑Ħniena Tiegħu. Min jemmen hu msejjaħ biex jesprimi dil‑fratellanza umana billi jindokra l‑maħluq u l‑univers kollu u jwieżen lil kull persuna, speċjalment lil dawk li huma l‑aktar fil‑bżonn u foqra​”.[3]

    Waqt li kien qed jindirizza Sessjoni Plenarja tal‑Akkademja Pontifikali tax‑Xjenzi, il‑Papa Franġisku riċentament iddikjara li l‑immigranti mhumiex theddida għall‑kultura, tradizzjoni u valuri tan‑nazzjon li jilqagħhom. “Il‑Knisja dejjem ħeġġet l‑imħabba ta’ niesha, tal‑pajjiż … Fl‑istess waqt, il‑Knisja wissiet lil individwi, nies u gvernijiet dwar devjazzjonijiet minn din ir‑rabta meta tkun iffukata fuq l‑esklużjoni u l‑mibegħda tal‑oħrajn, meta ssir ostili, ikun hemm nazzjonaliżmu li jibni l‑ħitan, jew saħansitra razziżmu u anti‑Semitiżmu. Il‑Knisja qed tosserva bi tħassib li madwar id‑dinja qed jerġgħu jitfaċċaw tendenzi aggressivi lejn barranin, tipi ta’ immigranti, kif ukoll żieda f’nazzjonaliżmu li jinjora l‑ġid komuni”.[4]

    Il‑Papa fakkar lill‑parteċipanti li d‑dmir tal‑Insara lejn l‑immigranti jista’ jingħad permezz ta’ dawn l‑erba’ kelmiet: merħba, protezzjoni, promozzjoni u integrazzjoni. B’mod partikulari, u għall‑kuntarju ta’ kif ħafna jifhmu l‑aħħar kelma, “integrazzjoni ma tfissirx li l‑immigranti jaddattaw għalina, imma li jaqsmu magħna l‑mod ta’ kif jgħixu huma fil‑pajjiż ġdid tagħhom waqt li jibqgħu individwi, bl‑istorja bijografika tagħhom. B’dan il‑mod, l‑immigranti jistgħu jippreżentaw lilhom infushom u jistgħu jiġu rikonoxxuti bħala opportunità li tarrikkixxi lin‑nies li jintegrawhom”.[5]

    Iż‑żminijiet tal‑lum jitolbu—b’urġenza kbira—għal difiża qawwija tal‑identità Kattolika tagħna, identità li għexet f’reżistenza kreattiva, leali u mimlija tama. Hi identità b’għeruqha fl‑imħabba. Hi l‑unika karatteristika vera ta’ Nisrani tajjeb. “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l‑imħabba bejnietkom” (Ġw 13:35). F’idejna biex nirreżistu din in‑narrattiva dominanti ta’ esklużjoni u biża’, u minflok nimmaġinaw u naħdmu għal futur mibni fuq il‑ġustizzja, l‑imħabba, is‑solidarjetà u l‑ftuħ. Li tipprova tibni identità nazzjonali—wisq aktar identità Kattolika—fuq biża’, esklużjoni u mibegħda, mhux biss hu tradiment vili tal‑Evanġelju, imma żgur hu l‑mod ta’ kif timxi fil‑mogħdija tal‑bniedem l‑iblah, “li bena daru fuq ir‑ramel. Niżlet ix‑xita, ġew  il‑widien, qamu l‑irwiefen u ħabtu fuq dik id‑dar, u ġġarrfet; u kbira kienet il‑qerda tagħha” (Mt 7, 24–27).

    [1] Il-Gwardjan għall-Ġenerazzjonijiet Futuri jara theddid għal ‘Malta tal-Maltin’: https://www.timesofmalta.com/articles/view/20190526/local/guardian-for-future-generations-launches-anti-muslim-tirade.710971

    [2] ‘Dawk li jibnu l-ħitan isiru priġunieri’. Il-konversazzjoni tal-Papa mal-ġurnalisti wara t-titjira tiegħu lura mill-Marokk: http://www.osservatoreromano.va/vaticanresources/pdf/ING_2019_014_0504.pdf

    [3] Dokument dwar il-Fraternità Umana għall-Paċi fid-Dinja u l-Konvivenza Komuni:

    http://w2.vatican.va/content/francesco/en/travels/2019/outside/documents/papa-francesco_20190204_documento-fratellanza-umana.html

    [4] Il-Q.T. il-Papa Franġisku jindirizza lill-parteċipanti tas-sessjoni plenarja tal-Akkademja Pontifikali tax-Xjenzi:

    http://w2.vatican.va/content/francesco/en/speeches/2019/may/documents/papa-francesco_20190502_plenaria-scienze-sociali.html

    [5] Ibid.