L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Lejn l-aħħar ta’ kull Evanġelju – għandna erba’ Evanġelji b’mod speċjali l-ewwel tlieta – jagħtuna kliem ta’ Ġesù li jitkellem dwar it-tmiem u fl-aħħar ġimgħa tas-sena liturġika li qegħdin fiha bħalissa, il-Knisja taqralna u fil-quddiesa nisimgħu dawn is-siltiet.

Irridu napperezzaw li l-kliem ta’ Ġesù jirreferi għal żewġ affarijiet u ħafna drabi dawn ikunu minsuġa waħda mal-oħra: it-tmiem ta’ Ġerusalemm, il-qerda ta’ Ġerusalemm li seħħet storikament taħt l-imperatur Titu fis-sena 70. Ġesù miet għall-ħabta tas-sena 33WK u 40 sena wara, Ġerusalemm kienet diġà qerda. Min imur xi darba Ruma ħdejn il-Kolossew hemm ark trijonfali ta’ Titu li jiċċelebra l-qerda ta’ Ġerusalemm, jiġifieri għandna monument storiku li jfakkarna li l-kliem ta’ Ġesù seħħew 40 sena wara.

Li torbot qalbek ma’ din id-dinja, tajjeb għax sabiħa, imma li taħseb li mhu se tmut qatt, hu bluha

Imma Ġesù wkoll jinseġ il-qerda ta’ Ġerusalemm li għal-Lhud kienet propju qisu l-aħħar tad-dinja, spiċċa kollox. Imma t-tmiem tad-dinja kif nafuha, jinsisti li mhux malajr, ma nafux meta, imma jinsisti li x-xena ta’ din id-dinja se tgħaddi. U f’din l-aħħar ġimgħa tas-sena u anke fl-ewwel jiem tal-Avvent tal-ġimgħa d-dieħla, nibqgħu nisimgħu dan il-kliem ta’ Ġesù.

Għalina xi jrid ifisser. L-ewwel nett Ġesù jgħidilna: ‘titwerwrux, toqgħodux tinkwetaw’. Ovvjament affarijiet tal-biża’ mhux se jħalluna qisu ma ġara xejn, għax jitkellem ukoll fuq affarijiet li narawhom fostna. Jgħid gwerer, jgħid ġuħ, mard li jittieħed. Aħna għadejjin minn pandemija, tgħid mela din waslet l-aħħar tad-dinja. Imma kemm-il darba għidnieha din f’dawn l-aħħar 2000 sena u d-dinja ma spiċċatx! Nikkalmaw ftit meta nisimgħu dal-kliem ta’ Ġesù imma fl-istess ħin napprezzaw li m’aħniex hawn għal dejjem u li torbot qalbek ma’ din id-dinja, tajjeb għax sabiħa, imma li taħseb li mhu se tmut qatt, hu bluha.

Allura l-ġid li tista’ tagħmel, agħmlu, dak kollu li hu ħażin u tista’ tevitah, evitah għax il-Mulej jagħtik il-qawwa tevitah. Tgħidli: ‘jiena  dgħajjef’. Min mhux dgħajjef? Ilkoll kemm aħna dgħajfin. Għalhekk Ġesù għamel is-sagrament tal-qrar ukoll u għallimna naħfru lil xulxin. L-ikbar preparazzjoni għat-tmiem hi li tgħix fil-paċi u ma ninsewx dik it-talba li l-Knisja tpoġġi fuq fomm is-saċerdot. Inħobb ngħidha biex tisimgħuni ngħidha: ‘tħallinix ninfired minnek’. Dik it-talba ssalvana: ‘tħallinix ninfired minnek’.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa
Qari I: Dan 2:31-45
Salm: Dan 3:57.58.59.60.61
Evanġelju: Lq 21:5-11