L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Ħamis ix-Xirka hija l-festa tat-twaqqif tal-Ewkaristija. Smajna lil San Pawl fit-Tieni Qari, fl-Ittra tiegħu lill-Korintin, jirrakkonta t-twaqqif tal-Ewkaristija fl-Aħħar Ċena meta Ġesù jieħu l-ħobż u jgħid “dan hu ġismi” u jieħu l-inbid u jgħid “dan hu demmi”. Ġismu li jingħata u demmu li jinxtered.

F’Ħamis ix-Xirka wkoll infakkru l-ġrajja li smajna fl-Evanġelju skont San Ġwann, meta Ġesù niżel jaħsel saqajn id-dixxipli tiegħu, ġest li se jkun ripetut illum waqt il-quddiesa biex infakkru dan. Hemm rabta kbira bejn dan li għamel Ġesù fl-Aħħar Ċena meta ħasel saqajn it-tnax u t-twaqqif tal-Ewkaristija. 

Nixtieq li naħsbu ftit fuq Ġesù fl-Aħħar Ċena u naraw x’jgħidilna għall-ħajja tagħna.

Ikla bejn il-ħbieb

L-ewwel nett, Ġesù jagħżel l-ikla, ikla bejn il-ħbieb. Jagħmel ikla mad-dixxipli tiegħu biex jurihom l-imħabba tiegħu, kif “ħabbhom għall-aħħar” (Ġw 13:1). Imma Ġesù kien jaf minn qabel dak li kien se jiġri, u li kien differenti ħafna minn dak li suppost turi ikla bejn il-ħbieb. Kien jaf li Pietru kien se jiċħdu, Ġuda jittradih, u kważi d-dixxipli kollha kienu se jabbandunawh. Xorta sejħilhom għall-ikla flimkien, u xorta sejħilhom “ħbieb”.

Fl-istess għażla li jagħmel ikla ma’ dawn id-dixxipli, Ġesù qed juri li l-imħabba tiegħu hija mħabba mingħajr kundizzjoni. Ma kinetx tiddependi fuq x’jagħmlu huma jew x’se jagħmlu huma – inħobbkom għax tħobbuni, inħobbkom biex tħobbuni. Le, mhux hekk. Imma qed jgħid: inħobbkom u nibqa’ nħobbkom mingħajr kundizzjoni. 

Qam waqt l-ikla

Waqt l-ikla, qam minn fuq il-mejda, libes il-fardal, u beda jaħsel saqajn it-tnax. Kienet xi ħaġa li dak iż-żmien kien jagħmilha lsir fil-bidu tal-ikla. L-ilsir, mhux sid id-dar. U dak iż-żmien kien hemm bżonn żgur għax ma kienx hemm toroq bit-tarmak. Kienu toroq bit-trab, bħalma kultant ikunu meta tinzerta xi triq maqlugħa. 

Ġesù ma ħasilx is-saqajn fil-bidu tal-ikla imma waqt li qed jieklu, b’mod li ħasadhom ilkoll. Qatt ma mmaġinaw li Ġesù se jagħmel xi ħaġa hekk, kif naraw ċar mir-reazzjoni ta’ Pietru. Imma Ġesù għażel il-ħasil tas-saqajn bħala simbolu qawwi ta’ servizz, ta’ qadi.  Taħsel is-saqajn tfisser: jien qiegħed għas-servizz tiegħek.

Ġesù ried jurihom li dik hi l-imħabba: meta int tkun tassew ta’ servizz għall-oħrajn. Mhux li titkabbar jew li tfittex li tiddomina fuq l-oħrajn. Dan il-ġest baqa’ fil-moħħ u fil-qalb tad-dixxipli tiegħu.

Imħabba lejn kull persuna

Ninnutaw li kif niżel jaħsel saqajn id-dixxipli tiegħu, Ġesù dar wieħed wieħed. Ma għamilx ġest wieħed għalihom f’daqqa, imma dixxiplu dixxiplu. Ried juri li l-imħabba ta’ Alla mhijiex biss imħabba bla kundizzjoni, mhijiex biss imħabba li tfisser qadi, imma hija wkoll imħabba individwali, imħabba għal kull persuna, wieħed wieħed.  

Ġest li jfisser ħafna

B’dan li għamel Ġesù, b’dan il-ġest, Ġesù ġabar l-essenzjal tal-ħajja tiegħu: ħajja ta’ mħabba bla kundizzjoni, ta’ qadi, ta’ mħabba personali. Imma ġabar ukoll it-tifsira tal-mewt tiegħu fuq is-salib, meta hu kien se jingħata għall-fidwa tal-umanità. Għalhekk hemm rabta kbira mal-Ewkaristija. Għax waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, il-kliem ċentrali hu dejjem il-kliem ta’ Ġesù waqt l-Aħħar Ċena: Dan huwa ġismi li jingħata; dan huwa demmi li jixtered għalikom. Din l-għotja wrieha b’mod ċar ukoll bil-ġest tal-ħasil tas-saqajn.

L-istil ta’ ħajja tad-dixxiplu

Li għamel Ġesù hawnhekk f’din il-ġrajja ma kienx biss biex lid-dixxipli jurihom min huwa hu, imma wkoll biex jurihom kif għandhom ikunu huma.

Forsi din kienet l-akbar ħasda għalihom, meta qalilhom: “Mela jekk jien, li jien l-Imgħallem u l-Mulej, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin. Għax jien tajtkom eżempju biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll” (Ġw 13:14-15). Wera li hekk għandu jkun l-istil ta’ ħajja tad-dixxipli: irid isegwi dak ta’ Ġesù.

Niftakru l-ġrajja meta tnejn minn dawn id-dixxipli preżenti għall-Aħħar Ċena, Ġakbu u Ġwanni, kienu staqsew lil Ġesù biex joqogħdu wieħed in-naħa tal-lemin u l-ieħor in-naħa tax-xellug (ara Mk 10:37). Riedu post prominenti fil-glorja tiegħu. Dak inhar id-dixxipli l-oħra kienu rrabjaw għalihom, u Ġesu kien fissrilhom li l-istil tal-ħajja tagħhom kellu jkun differenti ħafna mill-kapijiet tal-pagani u l-kbarat tagħhom. Kien qalilhom: “Min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun il-qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd” (Mk 10:44). U fissrilhom li hu “ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra” (Mk 10:45).

L-Ewkaristija tagħtina l-qawwa

Għalhekk b’dan li Ġesù għamel fl-Aħħar Ċena qed jurina mhux biss li għandna napprezzaw dak li għamel għalina, imma li nitħeġġu biex inkunu bħalu. Li aħna wkoll ngħixu ħajja Ewkaristika b’imħabba bla kundizzjoni, imħabba li tfisser li tingħata, u mħabba personali.

Nitolbu li kull darba li niċċelebraw l-Ewkaristija, niftakru li aħna msejħin biex f’ħajjitna nkunu dak li niċċelebraw: ħajja ta’ għotja ta’ mħabba lill-oħrajn. Nitolbu biex l-Ewkaristija tkun tassew fiċ-ċentru tal-ħajja tagħna għaliex kull darba li ninġabru biex niċċelebraw lil Ġesù ħaj, huwa hu li jagħtina l-qawwa biex ngħixu bħalu, huwa hu li jagħtina l-mudell ta’ kif għandna nħobbu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju