• Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas, Ħaż-Żebbuġ
    26 ta’ Ġunju 2019

    L-ewwelnett nixtieq ngħid kelma ta’ grazzi għall-ħafna affarijiet u nixtieq nirringrazzja lil tant nies personalment.

    Eċċellenza President tar-Repubblika, fuq kollox nixtieq nirringrazzjak tal-preżenza tiegħek fostna. Nixtieq li nagħtu ċapċipa kbira lill-President tar-Repubblika u lis-Sinjura Vella.

    “…il-persuna tiegħek għalina
    hija sinjal kbir ta’ tama”

    Il-President għandu rwol importanti ħafna fis-soċjetà tagħna li jirrapreżenta lill-Istat, jirrapreżenta l-valuri għolja tar-Repubblika, u waqt li aħna nilqgħuk fostna f’dan ir-rwol tant importanti nifhmu wkoll li l-ħidma tiegħek fost il-poplu bħala tabib, bħala politiku, dejjem kienet ħidma favur il-batut u għall-ġid komuni. Ippermettili ngħidlek li l-persuna tiegħek għalina hija sinjal kbir ta’ tama għaliex f’dak kollu li nagħmlu, anke bħala Knisja, aħna għandna bżonn is-sapport ta’ kulħadd.

    Nixtieq nirringrazzja għalhekk lill-Ministru Farrugia tal-preżenza tiegħu li għalina tfisser ukoll sinjal qawwi ta’ sapport mill-Gvern tar-Repubblika, mill-Istat, u garanzija wkoll għar-residenti, għall-familji tagħhom, li aħna m’aħniex weħidna f’dan is-servizz li qegħdin nagħtu. Aħna dejjem nirringrazzjaw lil Mons. Victor Grech u d-dejn li għandna miegħu qatt ma nistgħu nħallsuh.

    Qegħdin niċċelebraw 50 sena mit-twaqqif ta’ Caritas Malta u 30 sena mill-inawgurazzjoni ta’ dan iċ-Ċentru Terapewtiku. Għalhekk irridu wkoll infakkru tant nies, tant ġenerazzjonijiet ta’ nies, uħud minnhom m’għadhomx magħna hawnhekk f’din il-ħajja imma qegħdin isegwuna fil-misteru tax-xirka tal-qaddisin. Nies li ħadmu għal għan wieħed: biex żgħażagħ li għandhom bżonn l-għajnuna, anke adulti, ikollhom l-għajnuna kwalifikata li jeħtieġu.

    “Recreation tfisser li terġa tibnik mill-ġdid, imma din tkissrek! Din tisraqlek ħajtek, flusek, l-imħabbiet tiegħek, id-dinjità tiegħek.”

    L-appell tagħna huwa li aħna u naħdmu favur min għandu bżonn, is-soċjetà tagħmel kull ma tista’ biex mhux inżidu l-problema imma nnaqsuha. Għalhekk jiena nixtieq ukoll nirringrazzja lil Anthony ta’ dawk iż-żewġ messaġġi importanti li d-dixxiplina hija espressjoni tal-imħabba u li nkunu qegħdin inqarrqu bina nfusna li xi tip ta’ droga nsejħulha rikreattiva. Recreation tfisser li terġa tibnik mill-ġdid, imma din tkissrek! Din tisraqlek ħajtek, flusek, l-imħabbiet tiegħek, id-dinjità tiegħek. M’hemm xejn rikreattiv f’xi ħaġa li tkissrek! U dan messaġġ imporanti bħalma hu messaġġ importanti li meta inti ssib xi ħadd li jurik il-konsegwenza ta’ dak li tagħżel, ikun qed iħobbok.

    Jalla dawn il-messaġġi jkunu messaġġi ċari biex ikunu wkoll ta’ kuraġġ għal min qiegħed fil-programm u ta’ inċentiv għal min ħareġ mill-programm. It-tentazzjonijiet ma jonqsux imma biex jagħmel kuraġġ u jirbah kull tentazzjoni, hu messaġġ importanti għas-soċjetà li if it takes a village to raise child it will take a village to keep a child alive, u aħna ż-żgħażagħ tagħna mhux mejtin bl-overdose irriduhom imma ħajjin igawdu l-ħajja!Meta żort dan iċ-Ċentru Terapewtiku mpressjonani l-fatt li m’hemmx il-kelma kastig, imma rajt   il-kelma konsegwenza. Aħna, ħafna drabi, fis-soċjetà qed tiżdied kultura fejn ħadd ma jieħu responsabbiltà tal-għaġir tiegħu, fejn kulħadd imwaħħal mas-siġġu u ħadd ma jieħu responsabbiltà. Mentri dawn iż-żgħażagħ qegħdin jifhmu li l-vuċi tal-imħabba tgħinhom jaċċetaw il-konsegwenzi tal-għażliet tagħhom u b’hekk jiġu ttrenjati jagħmlu l-għażliet tajba u jgawdu l-konsegwenzi tal-għażliet tajba.

    Kunu mberkin u grazzi.

     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta