Immigrants

“L-Immigrazzjoni u l-Evanġelizzazzjoni l-ġdida” hija t-tema li l-Papa Benedittu XVI għazel għall-Jum Dinji ddedikat lill-Immigrazzjoni u r-Refuġjati 2012, li se tkun iċċelebrata fil-15 ta’ Jannar 2012.

Fil-messaġġ tiegħu, il-Papa qal li “l-proklamazzjoni ta’ Kristu bħala s-Salvatur waħdieni, tikkostitwixxi l-missjoni essenzjali tal-Knisja. Hija missjoni li s-soċjeta tal-lum qed tagħmel iktar urġenti. Tant hu hekk, li llum tinħass aktar il-ħtieġa ta’ palata u approċ ġdid għall-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni, f’dinja li qed tiffaċċja sfidi u proċessi ġodda ta’ globalizzazzjoni”.

It-tema magħzula għall-2012, qal il-Papa, tirrifletti dak li għandha quddiemha l-Knisja llum. Immigrazzjoni interna jew internazzjonali għal nies li qed ifittxu ħajja u kundizzjonijiet aħjar t’għejxien, lil hinn mill-gwerer, mill-faqar u anki mill-vjolenza, fost ħafna persekuzzjonijiet oħra, qed iġġib ukoll sfidi ta’ natura etika, reliġjuza u spiritwali. Il-konsegwenzi ovvji tas-sekularizmu u l-movimenti settarji ġoddi, flimkien ma’ insensittivita u intolleranza reliġjuza qegħdin ilkoll iwasslu għall-ħolqien ta’ frammentazzjoni u ostakli għas-sens ta’ unita, b’tensjoni u pressjoni negattiva fuq is-soċjetajiet differenti. Ifixklu wkoll id-djalogu inter-reliġjuz, bi ħsara għar-rispett reċiproku li tant isir sforz biex jizdied.

Il-Papa fisser kif dawk li jfittxu kenn f’pajjiz ieħor jeħtieġu s-solidarjeta u lil min lest jilqagħhom u jgħinhom. Tkellem ukoll fuq id-dmirijiet tal-komunitajiet insara lejn ħaddiema immigranti u l-familjari tagħhom, speċjalment permezz tat-talb u l-karita nisranija. Fi kliem Benedittu XVI, anki permezz ta’ ippjanar soċjali, ekonomiku u politiku li jippromwovi rispett lejn id-dinjita umana, u li jissalvagwardja l-familja.