L-Arċidjoċesi ta’ Malta ffirmat ftehim mal-APS Bank plc, li permezz tiegħu l-impjegati tagħha jkunu jistgħu jgawdu minn termini speċjali u benefiċċji oħra fuq għadd ta’ prodotti u servizzi offruti mill-bank.

Il-ftehim ġie ffirmat fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana nhar it-Tnejn 20 ta’ Marzu 2023 mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi Michael Pace Ross, il-Kap Uffiċjal tal-APS Bank Anthony Buttigieg u l-Kap tar-Retail tal-APS Bank Aaron Mifsud. Preżenti wkoll kien hemm Dr Rebecca Gatt, direttur tal-HR, li mexxiet in-negozjati f’isem l-Arċidjoċesi.

Dwar il-ftehim Michael Pace Ross qal li “l-impjegati kollha fil-Kurja tal-Arċisqof u t-Tribunali Ekkleżjastiċi, flimkien ma’ dawk minn sitt entitajiet oħra tal-Knisja, issa se jibbenefikaw minn termini u kundizzjonijiet aktar vantaġġjużi fejn jidħlu finanzjamenti għad-dar, self personali, overdrafts, investimenti u servizzi oħra, wara li jsiru r-rekwiżiti xierqa tad-diliġenza dovuta mill-Bank”. F’isem APS Bank, Aaron Mifsud żied jgħid, “Bi pjaċir qed nestendu din l-iskema esklussiva lill-impjegati tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. Aħna ħerqana li ngħinu lil dawn l-impjegati sabiex l-esperjenza bankarja tagħhom tkun aktar sempliċi u personalizzata.”