Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

L-inawgurazzjoni taċ-Ċentru Caravaggio saret fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, fil-preżenza tal-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna.

Iċ-Ċentru Caravaggio, li jinsab fi ħdan il-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, ġie inawgurat bħala parti minn proġett b’investiment ta’ aktar minn €2.1 miljun kofinanzjat mill-Fond Ewropew tal-Iżvilupp Reġjonali.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-għan taċ-Ċentru Caravaggio jmur ‘lil hinn mill-valur estetiku għaliex apparti li joħroġ il-kobor tal-artist, il-proġett hu mod kif l-arti twassal għat-triq tal-verità u t-tjubija. Hu rrifletta dwar il-personalità kumplessa ta’ Caravaggio u enfasizza r-rilevanza dejjiema tal-arti tiegħu fid-dinja tal-lum.

Iċ-Ċentru Caravaggio jiġbor fih il-kapolavuri ta’ dan l-artist rinomat li x-xogħlijiet innovattivi tiegħu jkomplu jispiraw u jqanqlu lill-udjenzi tiegħu madwar id-dinja. Iċ-ċentru kien deskritt bħala sit ta’ informazzjoni edukattiva fuq livell interattiv.

L-ewwel sular taċ-Ċentru Caravaggio, imsemmi ‘Face to Face’, hija żona fejn il-viżitaturi jistgħu jitgħallmu kollox dwar ‘The Beheading’. Il-proġezzjonijiet ta’ daqs naturali jġibu lill-viżitatur wiċċ imb’wiċċ mad-dettalji kollha importanti tal-pittura, li ħafna drabi tiġi injorata minħabba l-konfini tal-Oratorju.

Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Il-pjan terran jipprovdi spazju ieħor ta’ attrazzjonijiet għall-pittura oħra tal-Caravaggio – ‘St Jerome Writing’ kif ukoll wirjiet interattivi li jipprovdu informazzjoni relatata mal-istorja tal-pittura u jiffokaw fuq l-aspett edukattiv.  Fuq l-istess livell  ‘Meet Caravaggio’ hija żona awdjoviżiva li tagħti narrattiva dwar il-ħajja, il-karriera, u l-kisbiet artistiċi tal-artist ta’ Caravaggio u l-produzzjoni artistika tiegħu matul iż-żjara tiegħu f’Malta. F’din iż-żona, il-viżitatur se jkun jista’ jgawdi l-proġezzjonijiet viżwali b’mod informattiv.

Wieħed jista’ jżur ukoll is-sezzjoni xjentifika li se tipprovdi l-opportunità li wieħed jifhem il-proċess kreattiv tal-artist, iżda wkoll il-viċissitudini li għaddiet mill-pittura matul is-sekli grazzi għall-għajnuna ta’ tekniki dijanjostiċi mhux invażivi, bħall-Infrared Reflectography, id-dwal UV u High Definition.

Id-dħul għal din iż-żona se tkun qed tiġi offruta bħala dħul kumplimentari bl-istess pass tal-biljett tad-dħul tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, sabiex tisaħħaħ l-esperjenza sabiħa li wieħed jgħaddi minnha.

Fi stqarrija mill-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann intqal li s-sezzjoni xjentifika se tipprovdi l-opportunità li wieħed jifhem il-proċess kreattiv tal-artist, kif ukoll il-ħsieb wara l-pittura li nbidel matul is-sekli.

Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Fl-inawgurazzjoni, l-Arċisqof iffoka fuq il-pittura tal-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann Battista, u nnota li din tixhed it-traġedja ta’ meta l-arroganza u l-abbuż tal-poter iħallu vittmi innoċenti. Żied li din il-pittura ta’ Caravaggio hi monument tat-traġedja tal-umanità.

“Fiha naraw dak li qed jiġri bħalissa fl-Ukrajna, fl-Art Imqaddsa, fis-Sudan, u f’tant postijiet oħra tad-dinja,” stqarr l-Arċisqof Scicluna, li awgura li dan il-proġett iwassal għax-xewqa għall-bidla għat-tajjeb fost il-viżitaturi.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti Owen Bonnici spjega li l-fatt li din iż-żona addizzjonali se tkun qed tiġi offruta bħala dħul kumplimentari bl-istess biljett tad-dħul ifisser li se tkun qed tiġi msaħħa l-esperjenza sabiħa li wieħed jgħaddi minnha meta jżur dan il-ġojjell arkitettoniku.

Il-President tal-Fondazzjoni Glenn Micallef qal li “dan l-investiment hu l-iprem eżempju tal-ħidma li qed tagħmel din il-Fondazzjoni biex ittejjeb l-esperjenza ta’ dawk li jżuru San Ġwann. Proġett li huwa wieħed mill-bosta li qegħdin inwettqu – li ser ikomplu jagħmlu minn dan il-Kon-Katidral, post li jagħmilna kburin mad-Dinja kollha.“

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tħabbar ukoll li tlesta x-xogħol  fuq il-kamra tal-arloġġ, li jmur lura għall-1584, tal-Konkatidral ta’ San Ġwann u dan wara ħidma li saret mill-ħaddiema tal-Fondazzjoni. Il-pubbliku jista’ jsegwi mill-qrib kif jaħdem dan l-arloġġ li jiddomina l-faċċata tal-Konkatidral kif ukoll il-Kampnar tan-Nofsinhar.

Sors: Newsbook.com.mt