Is‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika u l‑Assoċjazzjoni għall‑Iskejjel tal‑Knisja (CSA) jappellaw sabiex tinstab soluzzjoni bejn il-partijiet kollha involuti, jiġu konklużi n‑negozjati u b’hekk jiġi ffirmat il‑ftehim kollettiv il‑ġdid għall‑edukaturi fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja. Dan wara li fil-jiem li għaddew saru kummenti fil-pubbliku u anke dehru rapporti fil-media li jistgħu jxekklu il-proċess.
Is‑Segretarjat u s‑CSA qed isegwu mill‑qrib l‑iżviluppi fin‑negozjati bejn il‑Gvern u l‑Malta Union of Teachers (MUT) u jirringrazzjawhom tal-isforzi u l-impenn tagħhom. Din hi l‑ewwel darba li l‑Iskejjel tal‑Knisja qed ikunu kkonsultati f’mumenti partikolari tul il‑proċess ta’ negozjati, pass importanti li l‑Iskejjel jisħqu li għandu jkompli jinbena fuqu għall‑benefiċċju tal-edukaturi u l-istudenti.
Id‑dettalji ppreżentati lill‑membri tal‑MUT il‑ġimgħa li għaddiet juru li l‑partijiet involuti rnexxielhom jaqblu dwar ħafna aspetti, partikolarment f’titjib sostanzjali fid‑dħul tal‑gradi tal‑edukaturi.
L‑għan ewlieni ta’ dan il‑ftehim, qalu s‑Segretarjat u s‑CSA, hu li jissaħħaħ b’mod sinifikanti l‑pakkett finanzjarju għall‑edukaturi kollha, filwaqt li jiġi rikonoxxut ir‑rwol importanti tal‑edukaturi fis‑sistema edukattiva kif ukoll fis‑soċjetà.