-
-
Nhar il-Ħadd 27 ta’ Novembru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna amministra s-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof lill-adoloxxenti mill-Parroċċa ta’ Ħal Luqa.
Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
-
Knisja Parrokkjali Ħal Luqa
27 ta’ Novembru 2016Għeżież żgħażagħ, il-Mulej Ġesù fl-Evanġelju tal-lum (Lq 21, 25-28, 34-36) juża’ kelma pjuttost qawwija, u li nixtieq naqsam magħkom f’dan il-ħsieb qasir qabel tirċievu s-sagrament tal-Griżma.
Ġesù juża’ din il-frażi: “Mela kunu lesti” (ara Lq 21, 36). L-iscouts għandhom il-famuż motto be prepared. Hawn xi ħadd fl-iscouts minnkom, jew girl guides? Tafuh dan il-motto be prepared? Kunu lesti! Immaġina sejjer fuq vjaġġ, hawn xi ħadd minkom qatt siefer? Meta inti ssiefer tieħu miegħek bagalja ċkejkna, forsi n-nisa jeħduha ikbar il-bagalja. Inti tipprova tħabbel rasek x’irrid niġbor f’din il-bagalja? Jiena kultant rari nasal xi mkien u ngħid: “ara insejt xi ħaġa” u jkolli mmur noħroġ u nixtri dak li għandi bżonn. Kultant tajjeb tagħmel lista, jien ikolli nivjaġġa sikwit. Per eżempju, peress li kull xahar irrid immur Ruma, bdejt inħalli l-bagalja Ruma bl-affarijiet, ngħidilkom il-verità, l-istess affarijiet għandi ċerti affarijiet li jkunu Ruma wkoll.
Meta tmur fuq vjaġġ għandek bżonn – jistaqsik meta tasal post ġdid speċjalment Schengen jistaqsik ktieb żgħir li jgħidulu l-passaport, passport huwa l-identity card tiegħek meta tivvjaġġa. Jekk tinsih – darba minnhom naf Kardinal li mar l-airport u ma kellux il-passaport, kellu jmur Ruma. Kultant ċertu affarijiet ikollhom ukoll dokument ieħor ikollok bżonnu jgħidulu visa, mhux barra mill-Ewropa, permess speċjali trid tixtrih ukoll. Ovvjament il-biljett tiegħek tal-ajru. Tista’ ssiefer fuq ajruplan mingħajr biljett? Le, be prepared.
Issa aħna diġà qegħdin fuq vjaġġ, imma rridu naslu. Il-Mulej jgħidilna ‘be prepared’. Illum il-Mulej bl-Ispirtu qaddis tiegħu se jagħtik qawwa li twasslek fil-vjaġġ. Dawn kollha doni tal-Ispirtu s-Santu: l-għaqal, il-pjetà, li jkollok sens kbir ta’ mħabba lejn Ġesù, il-fehma, il-kunsill, mhux il-kunsill lokali imma il-kapaċità li inti tieħu parir, u l-Ispirtu qaddis stess ikun il-parir tiegħek, qabel tagħmel xi ħaġa tgħid l-Ispirtu qaddis tal-Mulej xi jrid minni? Hekk ukoll il-biżà ta’Alla. Illum fl-Evanġelju, Ġesù jitkellem fuq mument ta’ biża’, il-miġja tiegħu hija anke miġja ta’ ġudizzju. Il-biża’ t’Alla mhux li titwerwer minnu, għax mhix ibbażata fuq il-biżà imma fuq l-imħabba. Il-Biża t’Alla tfisser li meta int ikollok tagħżel, tistaqsi lilek innifsek xi jrid Ġesù minnek?
Għaliex għandna bżonnha din l-għajnuna f’dan il-mument ta’ ħajjitkom? Qegħdin tikbru, aħna ddikjarajnikom Insara adulti, mela tgħidu: “mela issa nista’ nara l-affarijiet tal-kbar”. Propjament mhux dik l-intenzjoni, imma li inti tista’ llum u tagħmlu issa, irrid nismagħkom, iġġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija li l-ġenituri u l-parrini tagħkom għamlu meta kontu trabi. Issa m’għadkomx babies, issa se titkellmu intom, għax tridu intom. Din il-qawwa li qed jagħtikom l-Ispirtu s-Santu, se jgħinkom ukoll intom u tikbru. Jiġi xi ħadd jgħidlek: “Għandi d-droga, taf kemm hi tajba, għandi d-droga, tieħu ftit? Ippruvaha. Ma nżommlokx ħafna ta’, nagħtik discount”. X’se tgħidlu? Tgħidlu: “no, thank you”. M’hemmx għalfejn tirrabja miegħu dak li jkun, “no, thank you”.
Jew inkella sħabek jgħidulek: “Mhux aħjar imorru nilgħabu l-futbol flok ma mmorru l-iskola f’ġurnata sabiħa bħal din?”. Kollox f’ħinu u f’waqtu. Il-futbol sabiħ imma f’ħinu. L-iskola għandha l-ħin tagħha. Dawn huma għażliet li tridu tagħmlu intom u tikbru. L-Ispirtu s-Santu jagħtikom il-qawwa tagħmlu għażliet tajba, li tieħdu deċiżjonjiet li jgħinukom verament tikbru.
Illum aħna u ngħidulkom be prepared, kunu lesti mhux se nħallukom lampa stampa, kif jgħidu, il-Mulej se jagħtikom ukoll l-għajnuna. Nilqgħuha din l-għajnuna.
L-aħħar kelma lill-parrini. Tliet affarijiet ngħidhom dejjem u ngħidhom lilkom ukoll. L-ewwel nett nirringrazjakom talli lqajtu din ir-responsabbiltà. Il-parrinu jew il-parrina jridu l-ewwel nett jitolbu għall-filjozz jew il-filjozza, imqar ‘sliema’ u ‘qaddisa’ kuljum. Tgħidli: “għandi ħafna filjozzi”. Ħu paċenzja, għid ir-rużarju mela. Imma jekk għandek filjozz jew filjozza għid ‘sliema’ u ‘qaddisa’ għalihom imqar darba kuljum.
It-tieni: is-sapport. Dawn se jibdew jikbru, jiena ngħidilhom: “rashom ma nafx x’jiġrilkom u tibbies. Għax il-ġenituri: “taf kemm għandu rasu iebsa, ma jobdinix, rasu iebsa”. Il-parrinu, il-parrina jkunu viċin biex ikunu ta’ sapport għal dawn iż-żgħażagħ. Qed tmur l-iskola? Il-privat qed jitħallas għal xejn? Il-futbol tajjeb imma inti jew se tkun professional jew inkella irridu nitgħallmu wkoll xi ħaġa ta, anke jekk tkun futtboler professjonali trid titgħallem l-iskola biex kuntratt tkun taf taqrah u ma jidħqux bik. Anke jekk tgħid jiena għas-sengħa, tajjeb imma inti taf tagħmilha? Kont taf tagħmlu? F’kollox hemm bżonn l-iskola. Il-parrinu u l-parrina qegħdin ukoll jaraw li inti tikber fir-responsabbiltà.
It-tielet: mela, it-talb, is-sapport, l-eżempju! Issa intom tibdew tgħidu: “U l-quddiesa nhar ta’ Ħadd! Uff Xi dwejjaq”. Għandkom parroċċa sabiħa, kappillan bil-għaqal, inti ma ddumx hux vera kappillan, għandkom xorti bħal din, mhux kulħadd għandu l-istess xorti. Mela tiġi għal Sant’Andrija biss? Iċċapċap kif toħroġ il-vara min-niċċa? Allura irid ikun xi ħadd jgħidlek: “inti tmur il-quddies nhar ta’ Ħadd?”. Il-parrinu u l-parrina qegħdin għalhekk ukoll. Imma jekk il-parrinu, u l-parrina ma tmurx, inti tgħidilhom: “Imma inti tmur?” Checkmate. Il-parrinu u l-parrina qegħdin ukoll għall-eżempju. Talb, sapport u eżempju.
Jiena nirringrazzja ħafna lill-ġenituri wkoll u l-katekisti talli wasslukom għal din il-ġurnata. Ilkoll kemm aħna qegħdin ftit jiem qabel il-festa ta’ Sant’Andrija. Nitolbu l-interċessjoni ta’ dan l-appostlu li kien wieħed mill-ewwel li sejjaħ Ġesù biex jgħinkom tkunu tassew dixxipli tal-Mulej.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
Ritratti: Massimo