L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù meta jitkellem dwar l-Ispirtu s-Santu, juża kelma għażiża. Nixtieq li niftakruha tajjeb. Illum il-Mulej, se jagħtikom dan ir-rigal kbir, l-Ispirtu Qaddis tiegħu. Hu jgħid, l-“Ispirtu hu d-difensur” (ara Ġw 14:15). Xi tfisser din il-ħaġa?

Il-kelma bil-Grieg hi ‘parakletos’, bil-Latin ‘advocatus’. Mill-kelma Latina ‘advocatus’, għandna l-kelma ‘avukat’. Xi ħadd li ssejjaħ biex joqgħod miegħek quddiem l-imħallef u jiddefendik. Għalhekk l-Ispirtu s-Santu hu d-Difensur. Tgħidli, għandi bżonn min jiddefendini? Ħafna drabi l-avukat ikollok bżonnu meta tkun fl-inkwiet, jew qed tfittex il-ġustizzja. Ikollok bżonn min jagħtik parir u jgħallmek ukoll kif tirrispondi tajjeb quddiem l-imħallef.

Illum nitolbuh lill-Ispirtu s-Santu biex iġedded fina dan id-don u jagħtina l-għarfien biex nagħżlu tajjeb.

Fil-ħajja tagħna nindunaw kemm għandna bżonn l-għajnuna. Iżjed ma tikber, iżjed tirrealizza li għandek bżonn l-għajnuna; u li kultant f’ħajtek tkun għamilt xi ħmerija jew tnejn ukoll. Ix-Xitan jakkużak u jfakkrek u jinqeda wkoll b’min ma jixtiqlekx il-ġid biex ifakkrek. Imma l-Ispirtu s-Santu mhux hekk. L-Ispirtu s-Santu jfakkrek fil-verità li hi ħniena t’Alla. Għalhekk Ġesù jsejjaħlu “l-Ispirtu tal-verità” (Ġw 15:26).

Xi tkun din il-ħaġa? L-ewwel nett l-Ispirtu s-Santu mhux se jidħak bik. Abjad abjad, iswed iswed. Imma wkoll se jfakkrek li Alla li hu mħabba, hu fidil għall-Kelma tiegħu. Li Alla jrid isalvak, mhux jikkundannak. Li Alla jagħdrek u jħenn għalik. Din hi l-verità li m’għandna ninsew qatt. L-Ispirtu jgħinek ukoll kif iġġib ruħek mal-oħrajn.

Min jimxi fil-vokazzjoni li jurih il-Mulej, għandu miegħu l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

San Pawl għandu lista ta’ dak li aħna niċħdu. Minn hawn u ftit ieħor se nitlob lil dawn iż-żgħażagħ li se jagħmlu l-Griżma, li jiċħdu dak kollu li hu ħażin. Imma San Pawl jagħtina lista sabiħa ta’ dak li aħna nagħmlu meta l-Ispirtu ta’ Ġesù, l-Ispirtu s-Santu jmexxina: “l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan” (Gal 5:22-23). Dawn huma l-frott tal-Ispirtu ta’ Ġesù. Illum nitolbuh lill-Ispirtu s-Santu biex iġedded fina dan id-don u jagħtina l-għarfien biex nagħżlu tajjeb. Li ma nitfixklux minħabba f’xi frattarija li għamilna, jew mid-dnubiet tagħna, jew id-djgħufija tagħna. Imma nafdaw fil-ħniena tal-Mulej, li hu fidil u ġust. U għax hu fidil jagħder u jħenn fil-verità. Dik hi l-verità t’Alla: mhux il-kundanna tal-bnedmin, imma s-salvazzjoni tagħhom, il-ħelsien tagħhom, il-fejqan tagħhom.

L-Ispirtu s-Santu hu l-Ispirtu t’Alla fid-dinja. Minn hawn u ftit ieħor fuq l-artal, jiena nitlob lill-Ispirtu s-Santu jiġi fuq il-ħobż u l-inbid, u jibdilhom fil-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù. Din hi l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Aħna għandna l-Ewkaristija bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Meta s-saċerdot jaħfirlek dnubietek, u Alla jinsiehom. Il-bnedmin ma jinsewx, imma Alla jinsiehom dnubietna u jitfagħhom kollha ġol-baħar. Jgħidlek: “bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, bil-ministeru tal-Knisja.” Anke aħna l-fejqan ta’ ruħna, il-maħfra ta’ dnubietna naqilgħuha permezz tal-Ispirtu Qaddis tal-Mulej. U hekk ukoll fil-ħajja tagħna; min jimxi fil-vokazzjoni li jurih il-Mulej, għandu miegħu l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 2, 1-11
Salm: 103 (104), 1ab,24ac, 29bc-30,31,34
Qari II: Gal 5, 16-25
Evanġelju: Ġw 15, 26-27; 16, 12-15

Aktar ritratti >>