-
L-Isqfijiet Maltin f’Konsultazzjoni dwar il-Kurja Rumana
-
Il-Konferenza Episkopali Maltija intalbet tagħti s-suġġerimenti tagħha dwar it-tmexxija tal-Knisja Universali. Din it-talba waslet mill-Kardinal Reinhard Marx, Arċisqof ta’ Munich u Freising, u membru tal-kunsill tal-Kardinali mwaqqaf mill-Papa Franġisku. Dan il-Kunsill ta’ tmien kardinali għandu jgħin lill-Papa billi joffri pariri dwar ir-riforma tal-Kurja Rumana u t-tmexxija tal-Knisja Universali. Din il-konsultazzjoni, li qed issir qabel il-Kardinali jiltaqgħu għat-tieni sessjoni, qed issir ukoll ma’ diversi Isqfijiet fi djoċesijiet oħra madwar id-dinja.
L-Isqfijiet Maltin iddeċidew li fi spirtu ta’ komunjoni, din il-konsultazzjoni ma ssirx biss bejniethom iżda tkun tinkludi numru ta’ saċerdoti u lajċi. Għalhekk, nhar is-Sibt 23 ta’ Novembru 2013, saret laqgħa ta’ konsultazzjoni li għaliha kienu preżenti wkoll l-Isqfijiet Maltin. Din il-laqgħa tmexxiet mill-Isqof Mario Grech bħala President tal-Konferenza Episkopali Maltija.
Fil-jiem li ġejjin, il-konkluzzjonijiet ta’ din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni mistennija jintbagħtu lill-Kardinal Marx, bi tħejjija għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Kardinali li ser issir fil-bidu ta’ Diċembru. Fl-ittra tiegħu lill-Isqfijiet Maltin, il-Kardinal Marx fisser kif dan huwa mument importanti fl-istorja tal-Knisja fejn leħen il-knejjes lokali għandu jingħata l-ispazju meħtieġ.