L‑Arċisqof Charles J. Scicluna u l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi jinsabu f’Bari, l‑Italja, għall‑konferenza bit‑tema ‘Il‑Mediterran fruntiera ta’ paċi’.
Għal din il‑laqgħa hekk imsejħa ta’ riflessjoni u spiritwalità ser jattendu madwar 60 isqof minn 20 pajjiż tal‑Mediterran fl‑Ewropa, l‑Afrika ta’ Fuq u Lvant Nofsani. L‑immigrazzjoni hija waħda mit‑temi prinċipali ta’ din il‑konferenza li ser tiddiskuti wkoll l‑evanġelizzazzjoni taż‑żgħażagħ, l‑isfida tal‑qagħad u l‑paċi fir‑reġjun.
Il‑laqgħa f’Bari, li qed tiġi organizzata mill‑Konferenza Episkopali Taljana (CEI), tibda llum u tintemm il‑Ħadd 23 ta’ Frar. Dakinhar, il‑Papa Franġisku ser jiltaqa’ mal‑isqfijiet fil‑Bażilika ta’ San Nikola u jindirizza l‑konferenza. Wara ser jiċċelebra Quddiesa fil‑miftuħ f’Pjazza Libertà.
F’kummenti mal‑wasla tiegħu f’Bari l‑Arċisqof Charles J. Scicluna, President tal‑Konferenza Episkopali Maltija, irrefera għall‑ħidmiet ta’ salvataġġ f’dawn l‑aħħar jiem mill‑Forzi Armati Maltin u qal li Malta, bħala pajjiż fil‑periferija tal‑Ewropa, teħtieġ is‑solidarjetà tal‑pajjiżi l‑oħra. L‑Arċisqof qal li l‑Knisja f’Malta mhux biss tipprietka dwar l‑akkoljenza lill‑barrani imma tipprovdi kenn f’diversi djar u ċentri lil madwar 500 immigrant, u toffri wkoll diversi servizzi ta’ għajnuna. Mons. Scicluna spjega li l‑Knisja f’kull pajjiż għandha rwol importanti li tgħin biex il‑komunitajiet lokali jegħlbu l‑biża’ billi jilqgħu u jintegraw lil min qed jaħrab mill‑kefrija tal‑gwerra u mill‑pajjiżi sotto‑żviluppati fi tfittxija għall‑ħajja aħjar u ta’ dinjità.
Għal din il‑laqgħa f’Bari ser jattendu wkoll l‑Isqof Għawdxi u Vigarju Appostoliku ta’ Tripli, il‑Libja, Mons. George Bugeja, u l‑Arċisqof Malti ta’ Tirana‑Durrës, l‑Albanija, Mons. George Frendo.