Adds funeral details and statement by the College of Parish Priests.
Tħabbret il-mewt tal-Isqof Annetto Depasquale li huwa minn Ħal Qormi. Huwa kien Isqof Awżiljarju u Isqof Titulari ta’ Aradi. L-Isqof Depasquale li kellu 73 sena miet fit-3.45 p.m.
BIJOGRAFIJA
Mons. Annetto Depasquale twieled Ħal Qormi, fit-28 ta’ Ġunju 1938. Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja tiegħu fl-iskola tas-Sorijiet ta’ St Joseph (il-Belt) u l-edukazzjoni sekondarja fil-Liċeo. Kompla l-istudji tiegħu fl-Università ta’ Malta u fl-Università Pontifiċja tal-Lateran, fejn studja l-Liġi Kanonika u t-Teoloġija Pastorali. Ġie ordnat saċerdot fis-7 ta’ April 1962 u ta s-servizz tiegħu fi ħdan il-Kummissjoni Djar tal-knisja għat-tfal, fil-Pastoral Research Services tal-Arċidjoċesi, kif ukoll fil-parroċċa ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi, u fil-Parroċċa Nazzjonali għal Kattoliċi ta’ Lingwa Ingliża. Fis-6 ta’ Awwissu 1977 inħatar Kanċillier tal-Kurja u fl-14 ta’ April 1986, Segretarju Pastorali. Fid-9 ta’ Jannar 1989 sar Vigarju Ġenerali u fis-16 ta’ Novembru 1998, il-Papa nnominah bħala Isqof Titulari ta’ Aradi u Isqof Awżiljarju. Ġie ordnat Isqof fit-2 ta’ Jannar 1999. B’digriet tas-27 ta’ Jannar 2007, l-Arċisqof Pawlu Cremona nnominah Vigarju Ġenerali.
FUNERAL TAL-ISQOF ANNETTO DEPASQUALE
Għada, l-Erbgħa, 30 ta’ Novembru 2011, fid-9.00 a.m. jitlaq il-korteo mir-residenza ta’ Mons. Depasquale (94, Triq il-Kbira, Ħal Qormi) għall-parroċċa ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi. Hemmhekk huwa ser jitqiegħed għall-qima tal-pubbliku sal-10.00 p.m. Fis-6.00 p.m. issir velja ta’ talb.
Il-Ħamis, l-1 ta’ Diċembru 2011, il-korteo jitlaq mill-parroċċa ta’ San Ġorġ fit-8.15 a.m. għall-KonKatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, fejn jitqiegħed għall-qima tal-pubbliku sas-1.00 p.m. Fis-2.00 p.m. l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. imexxi Quddiesa konċelebrata b’suffraġju għal ruħu.
Il-korteo jkompli f’forma privata saċ-Ċimiterju ta’ Marija Addolorata, Raħal Ġdid, fejn issir id-difna fil-qabar tal-familja.
STQARRIJA MILL-KULLEĠĠ TAL-KAPPILLANI
Il-Kulleġġ tal-Kappillani jixtieq juri s-sogħba tiegħu għat-telfa ta’ Mons. Annettu Depasquale, Isqof Titulari ta’ Aradi u Isqof Awziljarju, u jirringrazzja lil Alla tad-don li ta lill-Knisja f’Malta permezz tiegħu.
Il-Kulleġġ dejjem ra fih bniedem ta’ Alla, b’imħabba u lealtà sħiħa lejn il-Knisja, u dejjem kien ta’ servizz, direzzjoni u appoġġ kbir għall-kappillani. It-tbissima u s-serjetà li bihom qeda dmiru sal-aħħar, jibqgħu ta’ eżempju kbir.
Nitolbu lil Alla li jagħtih il-mistrieħ ta’ dejjem li tant jistħoqq.