Bishop Sylvester Magro in Benghazi

Hekk kif ir-residenti f’Benghazi fil-Libja fakkru l-ewwel anniversarju mir-rivoluzzjoni tal-Libja, ir-ragħaj spiritwali tal-komunita kattolika fil-belt, l-Isqof Malti Silvestru Magro, tkellem dwar il-ħtieġa li tinbena mill-ġdid il-kongregazzjoni taħt il-kura tiegħu, kif ukoll dwar l-inċertezzi li jeżistu.

F’jum dit-tifkira, appuntu wara quddiesa li għalija attendew ftit għaxriet ta’ fidili, l-Isqof ta’ Benghazi, Silvestru Magro, qal: “Niżżu ħajr ‘l Alla li għadda kollox b’wiċċ il-ġid”.

“Wara gwerra li ħadet daqshekk fit-tul, wieħed jibqa’ dejjem f’inċertezza dwar x’jista’ joffri l-futur”.

Lilhinn mill-kanċelli ta’ quddiem il-Knisja ddedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni, tikkaratterizza l-inħawi kienet arja ta’ ċelebrazzjoni b’eluf ta’ nies ifakkru r-rebħa u l-ħelsien tal-Libja minn taħt ir-reġim ta’ Gaddafi.

F’kummenti lill-Aġenzija tal-Aħbarijiet Catholic News, l-Isqof Malti qal li l-Libja hi fil-maġġorparti tagħha ta’ twemmin Musulman, bil-Kristjaneżmu restritt għal reġjun partikolari li hu kulturalment/etnikament divers miż-żoni tal-madwar. Fi kliemu, ħafna mill-kattoliċi huma biss residenti temporanji.

Minkejja li jidher li mhemmx ċifri eżatti, jingħad li fil-pajjiż kien hemm mal-40,000 kattoliku sakemm ħafna minnhom kienu evakwati waqt il-gwerra ċivili ta’ sena ilu. Benghazi sadattant, kienet tagħti kenn lil komunita ta’ madwar 2,000 kattoliku, bejn Filippini u Afrikani mill-Ghana u min-Niġerja, fost oħrajn. Skont l-Isqof Malti f’Benghazi, illum fadal biss mat-300 kattoliku prattikant. Kien f’dan id-dawl li fl-ewwel kummenti tiegħu fl-ewwel anniversarju tar-rivoluzzjoni fil-Libja, Mons Silvestru Magro aċċenna għall-ħtieġa ta’ binja mill-ġdid tal-kongregazzjoni ta’ nsara kattoliċi taħt il-kura spiritwali tiegħu. L-inċertezza, fi kliemu stess, ma tonqosx.