L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Nistgħu ngħidu li l-festa tal-lum tinġabar fir-responsorju li tlabna fis-Salm Responsorjali tal-lum: “Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek” (S 39:8-9). ‘Hawn jien, Mulej, ġejja nagħmel ir-rieda tiegħek.’
Għaliex illum jiltaqħu mhux ‘iva’ waħda imma tnejn: l-‘iva’ tal-omm u l-‘iva’ tal-iben. Lill-Missier jgħidlu: “Vittmi tal-ħruq u tat-tpattija int ma tlabtx imbagħad jien għedt: ‘Hawn jien ġej’ (ara Lhud 10:6-7)”. L-iben, it-tieni Persuna tas-Santissima Trinità, taċċetta din l-avventura ta’ mħabba li biha Alla jsir bniedem minn mara. U hemm bżonn ukoll li din il-mara tgħid ‘iva’, “Hawn jien, il-qaddejja tal-Mulej, ikun minni skont kelmtek” (Lq 1:38).
Din il-festa nafuha bħalha l-Lunzjata; inħarsu lejn il-Madonna, l-‘iva’ tagħha huwa ‘iva’ prezzjuż bħalma fakkarna anke fl-istaġun sabiħ tal-Avvent fejn aħna wkoll naqraw dan l-Evanġelju għal darba, darbtejn.
Fil-fatt l-Ittra lil-Lhud fil-kapitlu 10 titkellem dwar din id-disponibbiltà tal-Mulej għaliex Kristu, meta daħal fid-dinja, jgħid l-awtur tal-Ittra lil-Lhud, qal u jikkwota s-Salm li smajna wara l-Ewwel Qari: “Jiena mbagħad għedt hawn jien ġej […] biex nagħmel ir-rieda tiegħek o Alla” (S 39:8-9). B’hekk Alla neħħa s-sagrifiċċju tal-ewwel biex iqiegħed flokhom it-tieni. Bis-saħħa ta’ din ir-rieda, ta’ din ir-rieda tal-Iben, aħna ġejna mqaddsin permezz tal-offerta tal-ġisem ta’ Kristu magħmula darba għal dejjem.
Il-festa li qegħdin niċċelebraw illum – dan l-Evanġelju nużawh f’ħafna festi tal-Madonna – illum nixtieq li aħna nikkonċentraw propju fuq it-tnissil ta’ Ġesu. Veru aħna din il-festa nafuha bħalha l-Lunzjata; inħarsu lejn il-Madonna, l-‘iva’ tagħha huwa iva prezzjuż bħalma fakkarna anke fl-istaġun sabiħ tal-Avvent fejn aħna wkoll naqraw dan l-Evanġelju għal darba, darbtejn. Naqrawh ukoll fil-festa tal-Konċepiment Immakulat tal-Madonna, tal-Kunċizzjoni tagħha.
Imma llum qegħdin niċċċlebraw l-avveniment tal-iben ta’ Alla li jsir bniedem. L-anġlu telaq minn ħdejn il-Madonna mhux b’idu vojta imma b’dik l-‘iva’ għażiża tagħha. “Għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1:37). B’xi mod l-Evanġelju stess, fin-nisġa tiegħu, jirrispondi għal ħafna domandi li jistgħu jiġuna. Imma kif jista’ jkun? Li l-Iben t’Alla jsir bniedem mingħajr il-koperazzjoni ta’ raġel? Hija d-domanda li tagħmel il-Madonna stess: “Kif ikun dan la jiena ma nagħrafx raġel?” (Lq 1:34), la jiena m’għandix x’naqsam ma’ raġel? “Għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir”.
Anke t-tislima tal-anġlu tħawwadha għax hija mimlija bil-grazzja. Jgħidilha: “Il-Mulej miegħek” (Lq 1:28). Imma immaġina li dan il-kliem qed jingħad ukoll lill-umanità, lil kull wieħed u waħda minna. Mhux għax jistħoqqilna, mhux għax aħna ġejna mnisslin, bħall-Madonna mingħajr tebgħa. Imma f’dan l-avveniment: it-tnissil tal-iben ta’ Alla fil-ġuf ta’ Marija, aħna mtlejna bil-grazzja. Il-Mulej magħna. U għalhekk il-profezija ta’ Iżaija li aħna naqraw ukoll fl-Avvent, illum tfakkarna li l-iben jismu wkoll Għimmanu-El għax ‘Alla magħna’. U dan huwa l-avveniment straordinarju.
Niftakar meta kont għadni qed nistudja l-liġi u konna naraw xi atti notarili antiki, in-nutara ta’ seklu ilu, kienu jibdew is-sena bħal-lum. Kienu jibdlu l-annu bħal-lum għaliex kienu jgħoddu l-annu mhux mill-ewwel tas-sena tmint ijiem wara l-Milied, imma mit-tnissil ta’ Ġesù. U kienu jgħidu li llum hija l-2022 mill-inkarnazzjoni tal-Mulej. U dan huwa mod interessanti kif inti tqis is-sena. Għan-nutara l-antiki illum kienet tibda s-sena għax kienu jibdewha mit-tnissil tal-Mulej.
Imma verament b’dan l-avveniment l-istorja tal-umanità nqalbet. Aħna li konna tlaqna lill-Mulej, il-Mulej mhux talli ma jabbandunaniex imma jsir wieħed minna, wieħed minna bħalna f’kollox minbarra d-dnub. Hekk jgħid l-Appostlu Missierna San Pawl. Illum ukoll niftakru f’dak li jgħid l-Appostlu Missierna: “Ma qisx tiegħu li hu kien daqs Alla, imma tneżża’ minn kollox” jgħid, “Ħa n-natura ta’ lsir u obda, obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (Fil 2:6-8).
Aħna u niċċelebraw din il-festa lejliet id-Duluri. Għada l-Madonna għadna nqimuha taħt is-salib tkompli dik l-‘iva’ li bdiet tgħid propju fl-annunzjazzjoni tagħha: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ikun minni skont kelmtek (Lq 1:38).”
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 7, 10-14; 8, 10
Salm: 39, 7-11
Qari II: Lhud 10, 4-10
Evanġelju: Lq 1, 26-38