• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     


  • Is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu, l-Għarb

    22 ta’ Ġunju 2018

    “Wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih” (Ġw 2:11). F’Kana tal-Galilija Ġesù jħossu d-dar. Wara kollox kien trabba f’Nazaret, belt tal-Galilija, u kien mistieden għal tieġ bħalma kienet ukoll mistiedna ommu. It-tradizzjoni tgħidilna li xi ħadd mill-għarajjes kien jappartjeni għall-familja ta’ Marija.

    Ġesù ma marx waħdu, ħa miegħu lid-dixxipli tiegħu. Dawn isiru xhieda tal-ewwel sinjal tiegħu mqanqal mill-ħniena ta’ ommu, l-omm li tirrealizza li l-għarajjes qegħdin fi problema mhux ċkejkna u tgħidlu: “M’għandhomx inbid” (Ġw 2:3). Il-qalb tal-omm li tifhem fejn hemm il-bżonn! U għalkemm jispjegalha li s-siegħa tiegħu ma waslitx, il-qalb ta’ Ġesù mhix imbiegħda mill-qalb tal-omm. Meta tgħidilhom “agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5), taf min hu binha u kif tħabbat il-qalb tiegħu.  

    Il-Papa Franġisku, meta jikkummenta fuq din is-silta tal-Evanġelju ta’ San Ġwann, jinsisti ħafna fuq l-abbundanza. Għaliex il-ġarar li Ġesù għażel biex jipprovdi l-inbid għall-festa tat-tieġ ma kinux ġarar żgħar. Kien hemm sitt ġarar tal-ħaġar li kienu hemm għar-rit tal-purifikazzjoni tal-Lhud, kull waħda minnhom tesa’ xi 100 jew 120 litru. Jekk kien hemm sitta, bil-120 litru l-waħda, tistgħu timmaġinaw kemm spiċċajna b’litri ta’ nbid, u nbid tajjeb!   

    L-ilma tal-purifikazzjoni jitbiddel fl-ilma tal-festa u b’xi mod dan l-ewwel sinjal, il-Magħmudija li taħsilna mid-dnubiet, tinbidel fl-Ewkaristija li tgħaqqadna ħaġa waħda miegħu. Dan il-miraklu huwa miraklu ta’ ħniena mhux biss għaliex il-qalb tal-omm u l-qalb tal-iben ħennew għaż-żewġ għarajjes li kien spiċċalhom l-inbid għall-festa tat-tieġ, imma għaliex il-Mulej irid jurina li r-risposta tiegħu għan-nuqqasijiet u għad-dgħufija tagħna, hija ħafna ikbar minn dak li nistgħu nimmaġinaw. L-ilma umli tal-purifikazzjoni jiġi nbid abbundanti li dak li jieħu ħsieb il-mejda jgħidlu: “L-imbid it-tajjeb erfajtu sa issa” (Ġw 2:10).     

    Illum, aħna u niċċelebraw it-tifkira tal-Madonna ta’ Pinu, irridu nifhmu s-sejħa tal-omm. Ejja, ersaq lejn il-qalb tal-omm li taf id-dgħufija tiegħek, taf id-dulur u l-uġigħ tiegħek imma taf ukoll min hu Binha, taf min hu dak li bil-qawwa tas-salib tiegħu, bil-qawwa tal-Ispirtu Qaddis tiegħu, jaf joħroġ miċ-ċirkustanzi diffiċli tal-ħajja, l-inbid tajjeb għall-festa tal-imħabba. Il-glorja tal-Mulej hija dik: il-ħniena kbira tiegħu, il-ħniena abbundanti tiegħu, il-gost tiegħu jħenn.

    Aħna x’għandna nagħmlu? Induru lejh u bl-għajnuna tal-omm tiegħu tas-sema u l-omm tagħna, ngħidulu: ‘Aħfrilna, għandna bżonnok għaliex il-ġid ta’ din l-art, dak kollu li mingħalina se jxebbgħalna l-qalbna ħin minnhom nindunaw li sar kollox suf’. Imma l-glorja tiegħu li jagħtina dik il-kelma tal-imħabba, ma jiġġudikaniex, iħares lejna b’dik il-ħarsa tal-ħniena. Hija espressjoni li nużawha wkoll għal ommu fl-antifona tas-Salve Regina: ‘Ħares lejna b’dik il-ħarsa tal-ħniena’. U hi, li hija omm il-ħniena għax hija omm Ġesù, ma taqtagħlniex qalbna, imma ddur lejn binha u tgħidlu: ‘għandhom bżonnok’. Lilna tgħidilna: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5).

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta