It-tradizzjoni fil-Knisja li fil-bidu tas-sena Ġudizzjarja l-Imħallfin u l-Amministraturi tal-Ġustizzja jersqu lejn l-artal biex jitolbu l-għajnuna ta’ Alla, l-Ispirtu s-Santu, biex jgħinhom fit-twettiq tal-ministeru tagħhom ta’ l-amministrazzjoni tal-ġustizzja bdiet fil-Medju Evu.
Kien iż-żmien fil-ħajja tal-Knisja meta kien hemm qbil u ftehim dwar l-għaqda essenżjali bejn ir-raġuni u il-fidi. U l-Imħallfin, l-avukat u l-uffiċjali l-oħra tal-Qrati tal-Ġustizzja li huma nsara konvinti jifhmu, anki llum, li l-amministrazzjoni tal-ġustizzja f’soċjetà li għadha tħaddan il-valuri nsara, ma tistax titqiegħed fuq bażi soda jekk ma jkollhiex bħala fundament tagħha l-obbedjenża lejn il-Liġi ta’ Alla. Din il-Liġi hija miktuba fil-qalb ta’ kull bniedem u hija meħtieġa biex tinzamm l-ordni u l-paċi. Hija l-Liġi Naturali li Alla nnifsu għallimna u li naslu għaliha kemm bl-użu tar-raġuni kif ukoll bil-fidi.
Huwa f’dan id-dawl li l-Qrati tagħna illum qed jinġabru madwar l-artal biex jagħtu bidu għall-Sena Forensi ġdida. L-Imħallfin u l-Avukati qed jitolbu l-għajnuna ta’ Alla, l-Ispirtu s-Santu, li qed jgħix fil-qalb tagħhom minn meta irċevew il-Magħmudija. L-Ispirtu s-Santu jgħinhom biex jgħarfu il-ligi ta’ Alla kif espressa fil-Liġi Naturali, biex jgħarfu l-ġustizzja tiegħu, iqawwihom biex jagħmlu dak li hu ġust u tajjeb għall-proxxmu mingħajr ma jħarsu lejn wiċċ ħadd u biex jkunu qaddejja denji tan-Nazjon billi jkunu qaddejja tajba ta’ Alla. Iridu jifhmu u jemmnu li s-servizz li qed jagħtu għandu l-għajn tiegħu f’Alla li hu biss huwa ġust u li jurina u jgħallima kif u x’għandna nagħmlu f’kull cirkustanza tal-ħajja biex inkunu ġusti, u dan għal ġid kemm ta’ l-individwu kif ukoll tas-soċjetà li fiha qed ngħixu. Dan ifisser il-ġid komuni.
Il-Qari mill-Ktieb ta’ Ġob jistedinna nirriflettu fuq din il-verità. Alla jkellem lil Ġob u jurih ix-xejn tiegħu u kemm jiddependi totalment minnu. Jinsisti li biex tasal għad-dawl u l-verità trid taqbad it-triq li twassal għandu. U Ġob jaċċetta li kien tkellem bla ħsieb u jwiegħed li ma jerġax jitwarrab minn Alla.
Din it-tixbiha tirrifletti dak li qed jiġri fis-soċjetajiet moderni tagħna, inkluż f’pajjiżna. Aħna bħal Ġob qed naħsbu li lil Alla ma għandniex bżonnu iżjed għaliex issa għamilna ħafna progess xjentifiku u kapaċi ngħixu maqtugħin minn Alla.
Ninsew li ma nistgħux ninqatgħu mill-egħruq tagħna. Bħala poplu għandna bżonn li nibqgħu marbutin ma’ l-istorja, l-valuri u l-identità tagħna, altrimenti jiġrilna li s-soċjetà tagħna titfarrak u ma tagħtix frott. Il-ħajja tagħna bħala individwi u bħala soċjetà tibda tisfa’ fix-xejn jekk tinqata’ minn dak li jidentifikha u tagħtiha l-ħajja.
Ma nistgħux ninsew li ebda persuna, ebda parti mis-soċjetà tagħna, ebda poplu ma jista’ jisola lilu nnifsu mill-istorja tiegħu, mill-esperjenzi tal-ħajja, minn dawk l-aspirazzjonijiet għoljin li fassluħ, mill-ispirazzjoni tat-twemmin li ħaddan matul is-sekli għaliex huma dawn li jzommuh maqgħud mal-egħruq tiegħu u jiġġenerawlu l-vitalità meħtieġa biex jkun jista’ jiffunzjona tajjeb.
Socjetà b’saħħitha u vitali tirrispetta l-għerf li Alla ikkomunikalna permezz tal-ħolqien u r-rivelazzjoni mwassla lilna minn Kristu. Aħna għandna mhux biss il-bżonn ta’ Alla li jiggwidana f’dak kollu li nagħmlu, iżda ġejna maħluqa b’mod li nixtiequ u nħossu dan il-bżonn. Il-Papa Ġwanni Pawlu II fl-enċiklika tiegħu Fides et Ratio ifakkarna li: “Alla qiegħed fil-qalb umana ix-xewqa li jsir jaf il-verità – f’kelma waħda li jagħraf lilu – sabiex meta jsiru jafu u jħobbu lil Alla il-bnedmin isiru jafu wkoll il-milja tal-verità dwarhom”.
U din hija l-problema ċentrali tas-soċjetà tagħna illum. Bħalma jiġri meta Alla jitwarrab, induru lejn kulturi oħra li għandhom viżjoni sekularista u li l-aspirazzjonijiet tagħhom jfittxuhom banda oħra. Faċilment ninġarru mill- mentalità li aħna auto-sufficienti u nistgħu naslu biex nagħtu tweġiba għal kull problema fis-soċjetà tagħna mingħajr ma nagħmlu riferenża għal Alla li fiĦ biss tinsab il-verità.
Huwa tajjeb li wieħed jieqaf u jistaqsi lilu niiffsu: hija din ir-raġuni li twassal biex faċilment nitilfu l-vera dimensjoni ta’ kif għandna ngħixu? X’tifsir u x’valur għandha l-ħajja? Kif għandna nirrelataw ma’ xulxin? X’inhuma l-obbligi u dmirijiet lejn xulxin?
It-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet ma nistgħux insibuhom jekk ma nirriferux għall-Liġi Naturali. Jekk nanalizzaw is-sitwazzjoni f’pajjiżna naraw li kull ma jmur qed niddakkru minn dak li qed jiġri f’pajjiżi oħra, principalment fl-Ewropa, fejn is-sitwazzjoni ta’ l-amministrazzjoni tal-Ġustizzja qed issib ruhħa f’posizjoni li jkollha tikser il-Liġi ta’ Alla minħabba li l-pajjiż, bil-liġijiet tiegħu, qed jivvijola l-bażi fundamentali tal-Liġi Divina Naturali permezz ta’ l-applikazzjonijiet tal-liġijiet tad-divorżju, ta’ l-abort, ta’ żwiġijiet ta’ persuni ta’ l-istess sess, tal-ewtanasija ecc. Dan qed isir f’isem it-tolleranza u l’hekk imsejħa drittijiet fundamentali.
Huwa proprju dan li qed jiġri fis-soċjetà tagħna meta reġgħet saħnet id-diskussjoni dwar id-dħul tad-divorżju f’pajjiżna. Hija sitwazzjoni li tolqot mill-qrib l-amminstrazzjoni tal-ġustizzja f’pajjizna. Huwa ż-żmien meta l-Amministraturi tal-Ġustizzja huma obbligati li jsemmgħu leħinhom b’mod ċar u jaslu biex jinvokaw wkoll, jekk ikun il-kas, l-oġġezzjoni tal-kuxjenża tagħhom.
Id-duttrina dwar l-indissolubilità taż-żwieg hija waħda mill-aktar ċari kemm fil-Kotba Mqaddża kif wkoll fid-duttrina tal-Maġisteru. Mill-Ktieb tal-Ġenesi huwa ovvju li Alla ried li ż-żwieġ, li huwa biss bejn raġel u mara u huwa dirett għall-għaqda ta’ mħabba bejniethom u għall-prokrejazzjoni u l-edukazzjoni ta’ l-ulied, hija għaqda indissolubbli.
Anki fl-Antik Testment Alla esprima ruħu kontra d-divorżju u bi kliem ċar meta qal permezz tal-Profeta Malakija “id-divorżju nobogħdu, jgħid il-Mulej Alla ta’ Israel” (Malachi, 2). U Ġesù ma setgħax ikun aktar ċar meta qalilna li Mosè ippermetta d-divorżju “minħabba l-ebusija ta’ qalbhom u li fil-bidu ma kienx hekk”. Għal Ġesù minn jiddivorżja lil mara u jiżżewweġ oħra ikun qed jgħix fi stat ta’ adulterju.
Quddiem duttrina hekk ċara ta’ l-Imgħallem tagħha l-Knisja ma għanda xejn x’tiddiskuti dwar id-divorżju u l-introduzzjoni tiegħu. Hija biss għandha tgħallem li min jikkopera b’xi mod għall-introduzzjoni tiegħu fil-liġijiet tal-pajjiz, minn japplika liġi tad-divorżju u min jirrikorri għaliħ, sakemm ma jkunx il-parti innoċenti, jkun qed jikser il-Liġi ta’ Alla u għalhekk jkun qed jidneb b’mod gravi.
Proprju ħmistax ilu meta kien qiegħed jilqa’ l-ittri kredenżjali ta’ l-Ambaxxatur tal-Germanja, il-Papa Benedittu wera t-tħassib tiegħu dwar l-attentat qawwi li jeżisti biex jiġi eliminat mis-soċjetà l-kunċett taż-żwieġ nisrani u l-familja. “Il-Knisja”, qal il-Papa, “ma tista’ qatt tapprova inizjativi ta’ leġislazzjoni li jimplikaw mudelli diversi ta’ ħajja ta’ koppja u tal-familja li jikkontribwixxu biex innaqsu l-forża tal-prinċipiji tal-Liġi Naturali bir-riżultat li l-leġiżlazzjoni isir waħda relativa u toħolq konfużjoni fil-valuri tas-soċjetà”.
Minn dan isegwi li l-membri tal-Parlament li jipprofessaw li huma nsara kif ukoll l-amministraturi kollha tal-Ġustizzja ma jistgħux moralment jikkooperaw kemm ma’ dawk li jridu jitolbu d-divorżju kif ukoll, aktar u aktar, billi jiddikjaraw żwieġ validu xolt.
Waqt li tibqa kostanti fil-proklmazzjoni ta’ dan it-tagħlim u dawn il-prinċipiji, kull ma għandha tagħmel il-Knisja hija li turi d-dizastru soċjali li d-divorżju jġib miegħu fil-pajjiz, bħal ma ġara f’kull pajjiż fejn din il-liġi ilha li ġiet introdotta.
Min naħa tiegħu l-Imħallef u l-avukat nisrani irid jeżamina l-posiżjoni tiegħu skond il-kuxjenża formata tajjeb, billi jirrifletti fuq il-Kelma ta’ Alla u t-tagħlim tal-Maġisteru, qabel ma jiddeċiedi li jkun jista’ jikkopera ma’ liġi li tmur direttament kontra l-Liġi ta’ Alla. Ma hijiex sitwazzjoni faċli u tirrikjedi għażliet li ħafna drabi jkun iebsin biex teħodhom. Iżda din hija d-diffikultà tal-ħajja nisranija.
Ġesù illum fil-Vanġelu ma tantx tana għażla: “Minn iwarrab lili jkun iwarrab lil dak li bagħatni”. Bħalissa ninsabu fl-istess sitwazzjoni li kienu Korazain, Betsajda u Kafarnaum fi żmien Ġesu meta wegħdhom ġudizzju iebes. L-istess sejħa jagħmilha lilna illum. J’Alla nirriflettu bis-sens u bil-għajnuna tal- grazzja tiegħu nagħmlu għazliet li imexxuna fit-triq ta’ dejjem. Hekk tlabna fis-Salm Responsorjali: “Mulej,mexxini fit-triq ta’ dejjem”, u din għandha tkun it-talba tagħna, konvinti li bl-għajnuna tal-grazzja tiegħu nkunu kapaċi nagħtu xhieda tat-twemmin tagħna bħala nsara konvinti, għaliex b’hekk biss nkunu qed inkunu amministraturi veri tal-Verità u l-Qrati tagħna jissaħħu.
Mons. A. Said Pullicino
Vigarju Ġudizzjali