Nhar il-Ġimgħa 8 t’Ottubru, l-Arċisqof Pawl Cremona ser jilqa’ lura lill-mijiet ta’ voluntiera żgħażagħ li qattgħu dan is-sajf ma’ persuni fil-bżonn. Il-voluntiera ħadu sehem fi proġetti kemm f’Malta kif ukoll barra, saħansitra f’artijiet imbiegħda bħall-Etijopja, l-Indja u l-Peru, fejn impenjaw rwieħhom ma’ komunitajiet u individwi emarġinati.

F’din iċ-ċelebrazzjoni ta’ ritorn, iż-żgħażagħ se jaqsmu l-eperjenzi u l-ħsibijiet tagħhom mal-Arċisqof li, min-naħa tiegħu, ħa jippreżentahom b’tiftikra. Din l-okkażżjoni ġġib fit-tmiem l-esperjenza sħiħa tal-voluntiera li bdiet bil-mandat f’Ġunju, meta l-Arċisqof kien bagħat lill-istess voluntiera għall-ħidma fuq il-missjonijiet rispettivi tagħhom.

Din l-edizzjoni tal-Lejla tal-Voluntiera, organiżżata mis-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (MUSEUM), hija spirata mill-Ittra lill-Korintin “Intom il-ġisem ta’ Kristu” (1 Kor 12:27). Is-serata, li tibda fis-19:30 fil-Kappella tal-Università, tinkludi preżentazzjonijiet, qsim ta’ esperjenzi u ħin ta’ talb; wara ssegwi attività soċjali.