Il-Knisja f’Malta se jkollha erba’ saċerdoti ġodda fil-ġranet li ġejjin. L-ewwel ordinazzjoni presbiterali ta’ tliet djakni se ssir mill-Arċisqof Charles Jude Scicluna nhar is-Sibt, 13 ta’ Mejju 2023, fid-9:30am, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, u se tixxandar fuq Knisja.mtNewsbook.com.mt.

Dawn it-tliet djakni huma: Rev. Gylan Camilleri mill‑Parroċċa ta’ Sant’Anna, Wied il‑Għajn; Rev. Clive Seychell mill‑Parroċċa ta’ San Ġużepp, il‑Kalkara;  u Patri Ian Zammit, tal‑Ordni tal‑Predikaturi.

Fis-16 ta’ Ġunju ssir l-ordinazzjoni presbiterali ta’ Rev. Jean Paul Mutumbo tas-Soċjetà Salesjana ta’ Don Bosco fl-Oratorju Salesjan, Tas-Sliema fis-6:00pm. Din ukoll se tixxandar fuq Knisja.mtNewsbook.com.mt.

Iċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet tas-Seminarju jistieden liż-żgħażagħ biex jirriflettu dwar il-possibbiltà li Alla qed isejħilhom għal ħajja saċerdotali jew reliġjuża. Jistgħu jsibu iżjed informazzjoni dwar dan billi jżuru www.seminaryvocationscentre.org jew  facebook.com/SeminaryVocationsCentre.

Il-komunità tas-Seminarju u l-Ordni tal-Predikaturi qed jistiednu lill-Insara biex jingħaqdu magħhom f’mument ta’ talb għal dawn ħutna li se jiġu ordnati saċerdoti nhar il-Ħamis, 11 ta’ Mejju, fil-Knisja Parrokkjali ta’ Sant’Anna f’Wied il-Għajn fis-7:00pm.