L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna se jordna żewġ djakni ġodda nhar is‑Sibt li ġej, 15 ta’ Mejju 2021. Il‑quddiesa se ssir fis‑Santwarju tal‑Madonna tal‑Grazzja, Ħaż‑Żabbar, fid‑9:30 a.m. Din se tixxandar fuq TVM2, Knisja.mt u Newsbook.com.mt.
Iż‑żewġ seminaristi huma Sean Abela mill‑Parroċċa ta’ San Pawl, ir‑Rabat, u Jean Claude Attard mill‑Parroċċa ta’ Sant’Anna, Wied il‑Għajn.
Permezz ta’ din l‑ordinazzjoni, id‑djakni l‑ġodda jsiru xebh ma’ Ġesù Kristu li ried ikun ‘djaknu’, jiġifieri qaddej ta’ kulħadd. Id‑djaknu jiddedika ħajtu għall‑qadi bl‑imħabba fis‑servizz tiegħu lejn il‑poplu, jassisti lill‑isqof u lis‑saċerdoti fiċ‑ċelebrazzjoni tal‑misteri qaddisa, l‑aktar tal‑Ewkaristija, jamministra s‑sagrament tal‑magħmudija, jassisti għaż‑żwieġ u jbierku, ixandar l‑Evanġelju u jipprietkah, u jmexxi l‑funerali.
Il‑komunità tas‑Seminarju tistieden lil kulħadd biex jingħaqad magħha f’mument ta’ talb li se jixxandar fuq il‑paġna ta’ Facebook ‘Is‑Seminarju tal‑Arċisqof’ nhar il‑Ħamis, 13 ta’ Mejju, fis‑6:30pm. Il‑velja se ssir fil‑Bażilika ta’ San Pawl ir‑Rabat u se titmexxa mill‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi.