L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Fl-Evanġelju llum għandna stampa tal-missjoni ordinarja ta’ Ġesù, dak li hu l-aktar essenzjali fil-missjoni ta’ Ġesù, u allura anke fil-missjoni tal-Knisja, tagħna bħala dixxipli tiegħu.
Innutaw ftit. Ġesù jxandar l-Evanġelju tas-saltna ta’ Alla. Dak hu l-iktar importanti. Kif kien spjega Ġesù: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih… ikollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3:16). Hu importanti li dan il-messaġġ jasal fil-qalb ta’ kull bniedem.
Ġesù jdur il-bliet u l-irħula biex ixandar l-Evanġelju. Ma jibqax magħluq f’post wieħed, imma jifrex, idur minn post għal ieħor. Kif għamel hu, hekk għamlet il-Knisja wkoll fil-bidu tagħha meta bdiet tinfirex minn post għal ieħor. Ifakkarna Ġesù li aħna qatt ma għandna nibqgħu fl-għeluq imma noħorġu, għax il-kelma ta’ Alla hi għal kulħadd.
Hija mara, Marija ta’ Magdala, l-ewwel xhud tal-qawmien ta’ Ġesù. Kif jgħid San Tumas t’Akwinu, kienet l-appostlu tal-appostli. Għalhekk is-sehem importanti tan-nisa f’din il-missjoni ta’ Ġesù.
Ġesù mhux waħdu imma flimkien ma’ tnax u xi nisa. Għandu miegħu din il-komunità, dan il-grupp, li flimkien qegħdin f’din il-missjoni. Tolqotna ħafna żgur kif hawnhekk għandna grupp ta’ nies mhux perfetti, anzi b’diversi difetti; uħud minnhom Ġesù kien fejjaqhom, lil Marija ta’ Magdala ħareġ minnha x-xjaten. Kienu kollha kemm huma nies bid-difetti tagħhom imma fl-istess waqt bis-sabiħ tagħhom; id-diversità hi karatteristika ta’ dan il-grupp ta’ Ġesù, imma magħqudin flimkien f’din il-missjoni. Allura hekk hi mill-bidu din il-karatteristika importanti tal-komunità ta’ Ġesù, li huma ugwali quddiem Alla imma fl-istess waqt tant differenti, għax l-ugwaljanza quddiem Alla qatt ma tneħħi, ma telimina d-diversità, anzi toħroġha bħala rikkezza.
F’din id-diversità, hemm enfasi speċjali minn San Luqa fuq dawk in-nisa li kienu wkoll dixxipli ta’ Ġesù. San Luqa jippreżenta dan ħafna fl-Evanġelju tiegħu: is-sehem importanti tan-nisa fil-ħidma ta’ Ġesù. Hawnhekk isemmi tlieta – Marija ta’ Magdala, Susanna u Ġwanna – imma jgħid li kien hemm diversi oħrajn. Li jolqtok hu kemm kellhom sehem importanti fil-missjoni ta’ Ġesù. Żgur ukoll li kienu ħafna aktar nies ta’ fedeltà għax taħt is-salib Ġesù kellu appostlu wieħed, lil San Ġwann, imma l-bqija kienu nisa. Kienu mhux biss xhieda tal-mewt u tad-dfin tiegħu, imma wkoll tal-qawmien. Hija mara, Marija ta’ Magdala, l-ewwel xhud tal-qawmien ta’ Ġesù. Kif jgħid San Tumas t’Akwinu, kienet l-appostlu tal-appostli. Għalhekk is-sehem importanti tan-nisa f’din il-missjoni ta’ Ġesù.
Minn dan kollu aħna nitgħallmu li għandna nedhew f’dak li hu essenzjali fil-missjoni tagħna bħala Knisja, bħala dixxipli ta’ Ġesù. Jiġifieri, kif turi din is-silta, li aħna nxandru l-Evanġelju tas-Saltna ta’ Alla; li qatt ma ningħalqu imma nifirxu l-ħidma tagħna; li nagħmlu dan flimkien bħala komunità waħda imma b’apprezzament tad-diversità; u li fi ħdan il-komunità nitgħallmu napprezzaw aktar is-sehem importanti tan-nisa fil-Knisja. Nixtieq insemmi speċjalment is-sehem ta’ dawk il-persuni fil-Knisja li jaħdmu fil-kwiet, bla storbju; forsi l-ħidma tagħhom ma tidhirx, imma hija tant importanti għall-Knisja, u hi tant prezzjuża u apprezzata quddiem Alla.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju